It-temp illum mistenni jkun pjuttost sabiħ matul l-ewwel parti tal-ġurnata, iżda s-sitwazzjoni mistennija tinbidel hekk kif noqorbu lejn nofsinhar. Skont l-aħħar aġġornament ippubblikat mill-paġna Mid-Djajru Tat-Timba, it-temp għandu jibqa’ pjuttost sabiħ sa tard filgħodu. Madankollu, għall-ħabta tal-11:00 mistenni jibda joqrob sħab tax-xita lejn il-gżejjer Maltin.
Hemm ċans tajjeb ta’ xi ħalbiet tax-xita, b’mod partikolari lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż. Minkejja dan, il-possibbiltà ta’ xita ma teskludix lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex. L-ajru mistenni jibqa’ xi ftit jew wisq imħarbat matul il-kumplament tal-ġurnata u sa filgħaxija.
It-temperatura massima mistennija tilħaq is-26°C, filwaqt li l-inqas temperatura għandha tkun madwar l-20°C. It-temperatura tal-baħar bħalissa tinsab ukoll madwar is-26°C, filwaqt li l-umdità mistennija tkun ta’ madwar 70%.Ir-riħ se jkun moderat għal ftit qawwi, Forza 4 mill-Grigal, filwaqt li l-baħar mistenni jkun moderat għal ftit għoli mill-istess direzzjoni.
Il-pressjoni atmosferika hija mistennija tkun ta’ 1021 mbar. Ix-xemx telgħet fis-6:56 ta’ filgħodu u mistennija tinżel fis-18:46 ta’ filgħaxija.