“It-Tfal Għandhom Iġorru Kotba, Mhux Jaħarbu Mill-Bombi… Kull Gwerra Evitata Tfisser Familja Li Tibqa’ Magħquda” – Marie-Louise Coleiro Preca

Marie-Louise Coleiro Preca

F’Jum Dinji tar-Refuġjati 2026, il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca appellat għall-aktar solidarjetà u umanità lejn il-miljuni ta’ persuni li ġew imġiegħla jaħarbu minn djarhom minħabba gwerer, vjolenza u persekuzzjoni.

Hi fakkret li sal-aħħar tal-2025 kien hemm 41.6 miljun refuġjat madwar id-dinja, filwaqt li aktar minn 117-il miljun persuna kellhom jitilqu minn djarhom minħabba kunflitti u kriżijiet, fosthom madwar 45 miljun tifel u tifla.

“It-Tfal għandhom iġorru kotba, mhux jaħarbu mill-bombi. Żagħżagħ għandhom ikunu qed jibnu l-futur tagħhom, mhux jistaqsu fejn se jsibu kenn għal-lejl. Il-ġenituri għandhom ikunu qed jibnu ħajja aħjar għall-familji tagħhom, mhux jirriskjaw kollox biex isibu post sigur fejn jgħixu.”

Coleiro Preca sostniet li dawn mhumiex biss statistika, iżda familji u persuni li tilfu s-sigurtà, il-ħolm u l-futur tagħhom.

Fil-messaġġ tagħha, hi qalet li ħafna drabi r-refuġjati jiġu trattati bħala problema, meta fil-fatt huma vittmi ta’ nuqqas ta’ paċi u responsabbiltà politika.

“U lil kull wieħed u waħda minna: ejjew nirrifjutaw il-biża’, il-preġudizzji u l-indifferenza. Ejjew nagħżlu l-kompassjoni, is-solidarjetà u r-rispett lejn id-dinjità umana. Ejjew naħdmu u nitkellmu favur il-paċi, għax kull gwerra evitata tfisser familja li tibqa’ magħquda, tifel jew tifla li jibqgħu sikuri, u futur li jiġi salvat.”

Hi appellat lill-mexxejja dinjin biex jiftħu qalbhom u jilqgħu lir-refuġjati b’dinjità, filwaqt li jagħtuhom aċċess għall-edukazzjoni, għax-xogħol u għall-kura tas-saħħa.

Coleiro Preca ħeġġet ukoll lill-pubbliku biex jirrifjuta l-biża’ u l-preġudizzji u jagħżel il-kompassjoni u s-solidarjetà, filwaqt li sostniet li l-vera soluzzjoni għall-kriżi tar-refuġjati hija paċi ġusta u dejjiema.







Ritratti:

Facebook/ Marie-Louise Coleiro Preca

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI