Fix-xhur li ġejjin se tkun qed tittella’ t-tieni edizzjoni tal-inizjattiva ‘Minn Pjazza għal Pjazza’, li se terġa’ timla bil-ħajja l-pjazez ta’ diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Wara s-suċċess miksub fis-sena li għaddiet, id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali se terġa’ tiffinanzja sensiela ta’ attivitajiet li se jsiru b’kollaborazzjoni ma’ diversi Kunsilli Lokali. Dan wara li nħarġet espressjoni ta’ interess li għaliha applikaw 43 kunsill lokali biex ikunu parti minn din l-inizjattiva.

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ġie spjegat li din l-inizjattiva għandha l-għan li ġġib esperjenzi artistiċi u kulturali fil-qalba tal-komunitajiet – jiġifieri l-pjazez.
Il-pjazez se jinbidlu f’ċentri ta’ kreattività u laqgħat komunitarji permezz ta’ spettakli, films lokali u attivitajiet interattivi, li se joffru esperjenza varjata għal kull età.

Il-programm se jkun taħt id-direzzjoni artistika ta’ Daniel Cauchi, b’kollaborazzjoni kontinwa mal-Kunsilli Lokali, filwaqt li kull lokalità se toffri programm uniku ispirat mill-identità u l-istorja tagħha.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna li din hija inizjattiva importanti li terġa’ tqiegħed il-pjazza fil-qalba tal-komunità, filwaqt li saħaq li investiment f’attivitajiet ta’ kwalità jgħin biex jinżammu ħajjin it-tradizzjonijiet u jinħolqu spazji moderni ta’ kreattività.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dawn l-attivitajiet se jkomplu jsaħħu u jikkumplimentaw inizjattivi oħra tal-Kunsilli Lokali, u b’hekk jarrikkixxu l-kalendarju kulturali u artistiku tal-pajjiż matul is-sena kollha. Hija enfasizzat ukoll li l-inizjattiva tippromwovi aċċessibbiltà akbar għall-kultura u l-arti, filwaqt li toħloq opportunitajiet għall-familji jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.
Hija temmet tgħid li dan huwa investiment dirett fil-komunitajiet, fil-kultura, fl-arti u fl-artiġjanat, kif ukoll fir-residenti kollha madwar Malta u Għawdex.

L-attivitajiet se jsiru bejn Mejju u Novembru f’diversi lokalitajiet, fosthom Ħal Kirkop, is-Swieqi, Ħal Safi, Ħal Lija, Ħad-Dingli, ix-Xagħra, Tas-Sliema, Ħal Għaxaq, Pembroke, is-Siġġiewi, l-Imqabba, iż-Żurrieq, Paola, il-Belt Valletta u Bormla.