Immaġina ġenerazzjoni sħiħa li qatt ma tibda tpejjep. Dan hu eżattament dak li qed jipprova jagħmel ir-Renju Unit b’liġi ġdida li qed titqies bħala waħda mill-aktar passi kuraġġużi fil-qasam tas-saħħa pubblika.
Skont din il-liġi, kull min twieled fl-1 ta’ Jannar 2009 jew wara, qatt ma jkun jista’ jixtri sigaretti legalment. Fi kliem ieħor, il-bieb għat-tipjip se jingħalaq darba għal dejjem għal ġenerazzjoni ġdida — b’mira ċara: “smoke-free generation”.
Il-miżura diġà għaddiet mill-parlament u mistennija tidħol fis-seħħ dalwaqt. Imma mhux biss. Il-gvern se jkollu wkoll aktar kontroll fuq prodotti relatati man-nikotina, inklużi vapes, b’restrizzjonijiet ġodda fuq togħmiet, ippakkjar u kif dawn jiġu reklamat — affarijiet li ħafna drabi jattiraw liż-żgħażagħ.
Is-Segretarju tas-Saħħa Wes Streeting sostna li din il-liġi tista’ tipproteġi lill-ġenerazzjonijiet futuri minn dipendenza perikoluża u minn problemi serji ta’ saħħa fit-tul. Barra minn hekk, jista’ jkollha impatt pożittiv ukoll fuq is-sistema tas-saħħa billi tnaqqas il-każijiet relatati mat-tipjip.
Organizzazzjonijiet tas-saħħa laqgħu din id-deċiżjoni b’idejhom miftuħa, u jgħidu li tista’ tfisser inqas mard u inqas imwiet fil-futur.
Interessanti li din l-idea kienet oriġinarjament proposta mill-eks Prim Ministru Rishi Sunak, iżda issa qed titmexxa ’l quddiem mill-gvern attwali.
Din il-liġi qed tqajjem diskussjoni kbira u mhux biss fir-Renju Unit. Issa l-mistoqsija hi waħda sempliċi imma importanti, għandu pajjiżna jieħu pass simili u jipprova joħloq ġenerazzjoni li ma tmissx mas-sigaretti?