Messaġġ sempliċi iżda profond minn Nicholas Briffa qed jolqot qalb ħafna nies fuq il-midja soċjali, wara traġedja li lbieraħ ħasdet lil pajjiżna.
Il-psikologu Malti kiteb dwar ir-realtà iebsa li kultant ninsew: li xi drabi, persuna toħroġ mid-dar bħall-ġurnata l-oħra… u qatt ma terġa’ lura. Huwa semma kif, bħall-każijiet oħra li rajna fl-aħħar xhur, dak li jolqtu mhux biss it-traġedja nnifisha, imma kemm kollox jidher normali ftit qabel.
Ilbieraħ hu kiteb, “Dalgħodu kien hemm raġel li ħareġ mid-dar għax-xogħol… u mhux se jirritorna lura,” kiteb Briffa, filwaqt li enfasizza kemm dawn l-aħbarijiet iġibu diqa fuq kulħadd.
Huwa rrimarka kif fil-ħajja ta’ kuljum ħafna drabi ngħaġġlu, noħorġu bil-għaġla u bl-istress, bla ma nieqfu għal mument biex ngħidu kelma tajba jew nagħtu tgħanniqa. “Ovvjament ilkoll naħsbu li dejjem se jkun hemm ħin ieħor… imma mhux dejjem ikun hemm,” spjega.
Il-messaġġ tiegħu huwa wieħed ċar u uman: qabel toħroġ mid-dar, ieqaf ftit. Anke jekk mhux faċli, speċjalment wara argument jew ġurnata diffiċli, forsi tnaqqas it-ton, tgħid kelma tajba jew tagħti tislima żgħira tista’ tfisser ħafna aktar milli naħsbu.
Briffa jfakkarna li dawn il-mumenti żgħar jistgħu jibqgħu magħna għal dejjem… speċjalment jekk, mingħajr twissija, ikunu l-aħħar li naqsmu ma’ xi ħadd li nħobbu.
Il-messaġġ tiegħu jagħlaq b’tifkira emozzjonanti lil Jurgen, filwaqt li wassal ukoll kliem ta’ sabar u faraġ lill-familja u l-maħbubin tiegħu.
F’ħajja mimlija ġiri u pressjoni, forsi dan huwa tfakkira li lkoll kellna bżonn nisimgħu.