It-tieni mewġa ta’ sħana ta’ dan is-sajf qed tkompli tinħass fuq il-gżejjer Maltin, b’temperaturi li llum mistennija jerġgħu jogħlew u jilħqu sa 37°C.
Skont il-paġna It-Temp Madwarna, il-ġurnata mistennija tkun xemxija b’xi ftit ċpar fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Barra minn hekk, l-umdità se tibqa’ għolja, u għalhekk is-sħana mistennija tinħass aktar milli tindika t-temperatura nnifisha. Matul il-lejl, it-temp mistenni jibqa’ sabiħ, b’temperatura minima ta’ 28°C.
It-temperatura tal-baħar bħalissa tinsab madwar 28°C, filwaqt li l-umdità kienet ta’ madwar 90% fil-ħin li nħareġ ir-rapport. Ir-riħ mistenni jkun ħafif fil-bidu tal-ġurnata, iżda aktar tard isir moderat u jonfoħ min-Nofsinhar.
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jibqa’ idratat, jevita l-esponiment dirett għax-xemx fis-sigħat l-aktar sħan tal-ġurnata u jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa, speċjalment it-tfal, l-anzjani u persuni vulnerabbli.