Il-Kumitat Festi Esterni Marija Bambina Naxxar esprima s-sogħba kbira tiegħu għat-telfa ta' Chris "iċ-Ċappin", persuna magħrufa u maħbuba minn bosta Naxxarin għall-imħabba sinċiera li kellu lejn ir-raħal u lejn Marija Bambina.
F'messaġġ mimli emozzjoni, il-kumitat iddeskriva lil Chris bħala bniedem li qabel kollox kien iħobb lil Marija Bambina u lil Naxxar bi mħabba kbira u ġenwina. Qal li bit-telfa tiegħu, il-komunità tilfet persuna li "marret tiltaqa' mal-Ġawhra", appell li Chris stess kien tant iħobb juża meta jirreferi lil Marija Bambina.
Il-kumitat fakkar ukoll kif Chris kien magħruf ma' kulħadd, li dejjem lest jaqsam l-għarfien u l-passjoni tiegħu dwar l-istorja u t-tradizzjonijiet tan-Naxxar. Saħqu li kien "veru enċiklopedija ta' informazzjoni", li minnha bbenefikaw ħafna nies tul is-snin.
Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu, il-Kumitat Festi Esterni sellem il-memorja ta' Chris u rringrazzjah għall-ħbiberija u l-kontribut tiegħu, filwaqt li sostna li t-tbissima, il-preżenza u l-memorji li ħalla warajh se jibqgħu jgħixu fil-qlub ta' dawk kollha li kellhom ix-xorti jafuh.
"Strieħ fis-sliem, ħabib għażiż tagħna. Jalla Marija Bambina tilqgħek fi ħdanha u tagħtik il-mistrieħ ta' dejjem. Il-memorja tiegħek tibqa' tgħix magħna għal dejjem," temm jgħid il-kumitat.