Mill-1 ta’ Ġunju li ġej, turisti li jinqabdu jarmu l-iskart fit-toroq jew jagħmlu storbju eċċessiv se jkunu obbligati jħallsu multi fuq il-post.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u l-Impjiegi ħabbar li uffiċjali tal-Malta Police Force, tal-LESA u tal-Environment and Resources Authority se jimmultaw b’mod immedjat turisti f’Malta, meta dawn jiksru l-liġi.
Il-Ministeru spjega li ħafna drabi t-turisti jonqsu milli jħallsu l-multi li jingħataw, u għalhekk dawn il-miżuri ġodda, li se jiddaħħlu permezz ta’ avviż legali, huma maħsuba biex jiżguraw li jkun hemm konsegwenzi għal min jirrifjuta jħallas.
Il-miżura hi mmirata b’mod partikolari lejn każijiet ta’ tniġġis permezz tal-iskart u storbju eċċessiv, problemi li spiss iqajmu lmenti minn residenti f’żoni turistiċi madwar Malta.
L-awtoritajiet sostnew li l-għan hu li jinżamm aktar ordni u rispett lejn il-komunitajiet lokali, filwaqt li jiġi assigurat li l-liġijiet japplikaw għal kulħadd bl-istess mod.