Il-mużiċist u kantant Malti Ivan Grech se jkun il-mistieden speċjali tas-semi-finali tal-Malta Eurovision Song Contest 2026, li se jsir nhar il-15 ta’ Jannar fl-MFCC, Ta’ Qali.
Dan l-avveniment se jkun okkażjoni speċjali għal dawk kollha li jħobbu l-mużika Maltija, hekk kif Ivan Grech se jitla’ fuq il-palk biex jippreżenta kanzunetta ġdida fjamanta għall-ewwel darba live quddiem udjenza nazzjonali. Mument li żgur se jkun wieħed memorabbli f’din l-edizzjoni tal-MESC.
Magħruf għall-istil uniku tiegħu u għall-kontribut qawwi li ta lill-mużika alternattiva Maltija, Ivan Grech jibqa’ figura rispettata u maħbuba fix-xena mużikali lokali. Il-preżenza tiegħu fis-semi-finali tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni tal-MESC bħala pjattaforma li tiċċelebra kemm talent ġdid kif ukoll artisti stabbiliti.
L-organizzaturi qed jiddeskrivu din il-prestazzjoni bħala waħda li ma tridx tintilef u qed iħeġġu lill-pubbliku sabiex jattendi jew isegwi s-serata biex ikun parti minn dan il-mument tant speċjali.
Facebook/ Eurovision Song Malta