Fost il-ħafna karrijiet tal-Karnival li se jkunu qed jiġu żvelati fil-jiem li ġejjin, wieħed li żgur se jkun qed jattira l-attenzjoni ta’ kulħadd se jkun dak ibbażat fost oħrajn fuq il-karattru tant famuż tal-Avukat Gawdenz Bilocca.
Dan hekk kif għall-Karnival ta’ din is-sena t-Triton Carnival Company ġabru flimkien fost l-iżjed karattri komiċi popolari fost il-Maltin u ddisinjaw karru tal-Karnival ibbażat fuqhom. Fost dawn il-karattri hemm l-Ispettur Leonard, il-Majsi, Frankie Quattromani kif ukoll L-Avukat Gawdenz.
L-attur Fabian Scerri De Carlo li huwa l-moħħ wara l-karattru ta’ Gawdenz stqarr fuq il-midja soċjali li jħossu “kburi u onorat ferm” li wieħed mill-iżjed karattri ta’ suċċess li interpreta hu stess matul il-karriera tiegħu sab ruħu fuq dan il-karru li mingħajr dubju huwa riżultat ta’ ħidma twila u talent straordinarju.
Filwaqt li ddeskriva dan il-karru bħala “kapolavur”, l-attur sostna li dan il-karru huwa “ċelebrazzjoni vera tal-arti”.
Prosit tassew!
Facebook / Triton Carnival Company u Fabian Scerri De Carlo