Meta kellu 14-il sena, iż-żagħżugħ Juan Barbara tilef il-ġlieda tiegħu kontra l-kanċer u minħabba f’hekk qatt ma seta’ jwettaq il-ħolma tiegħu li jsir qassis. Kieku għadu fostna llum Juan kien ikun qed jiċċelebra l-età ta’ 28 sena.
Dalgħodu fuq il-midja soċjali fakkret il-memorja tiegħu ommu Janice b’poeżija emozzjonanti. Hi tfakkar il-ġlieda ta’ binha kontra l-kanċer u kif minkejja li kien hemm żmien li fih beda jirpilja, madankollu d-destin ried li xorta waħda fl-aħħar mill-aħħar kellu jitlef ħajtu għall-marda sfortunata tal-kanċer.
L-omm emozzjonata titkellem ukoll dwar il-passjoni li Juan kellu għar-reliġjon u kif dejjem fittex li jgħix ħajja reliġjuża. Tfakkar ukoll passjonijiet oħrajn li hu kellu fosthom l-għawm, is-sajd, il-camping, il-kant kif ukoll ir-reċtar.
F’dan il-jum tkellem dwar il-memorja tiegħu wkoll il-kantant Malti Ivan Grech li fisser kif kien iltaqa’ maż-żagħżugħ Juan Barbara lura fl-2012 f’wieħed mill-kunċerti li kien ħa sehem fihom meta kien parti mill-grupp mużikali Winter Moods.
Ivan stqarr li permezz ta’ Juan għaraf jirrealizza kemm hu importanti li tapprezza kull mument tal-ħajja u saħaq li fi Juan dakinhar ra żagħżugħ mimli ħajja, kuraġġ u determinazzjoni.
Strieħ fis-sliem, Juan!
Facebook / Janice Barbara Gatt u Facebook / Ivan Grech