Jay, ir-rebbieħ tal-ewwel edizzjoni ta’ Big Brother Malta, huwa magħruf ukoll għall-professjoni tiegħu ta’ barbier, xi ħaġa li dawk li segwew il-programm żgur li huma familjari magħha.
Dan l-aħħar, Jay beda joffri wkoll is-servizz ta’ barbier fid-djar, servizz li jista’ jkun ta’ għajnuna kbira għal dawk li għal xi raġuni ma jkunux jistgħu joħorġu. Dan jista’ jinkludi persuni li jinsabu rikoverati l-isptar, anzjani, kif ukoll tfal li jbatu minn xi kundizzjoni u li għalihom ikun aktar komdu li l-barbier imur għandhom u jingħataw is-servizz f’ambjent li jħossuhom familjari fih.
Sabiex iwassal dan is-servizz għand aktar nies, Jay beda jixħet posts dwaru fuq grupp lokali popolari fuq il-mezzi soċjali. Huwa spjega li fil-passat ippubblika diversi posts bl-Ingliż u qatt ma kellu problemi. Madankollu, meta din id-darba ddeċieda li jippubblika l-post bil-Malti, minkejja li din irċeviet ħafna feedback pożittiv, għal xi raġuni spiċċat tneħħiet mill-grupp.
Dan wassal lil Jay biex jistaqsi għaliex il-post bil-Malti tneħħiet, meta skont hu, posts simili bl-Ingliż kienu tħallew fuq il-grupp mingħajr ebda problema. Għalissa mhux magħruf x’wassal biex il-post titneħħa jew jekk kienx hemm xi raġuni oħra marbuta mar-regoli tal-grupp. Madankollu, Jay qed ifittex tweġiba dwar għaliex din id-darba l-post tiegħu tneħħiet, minkejja r-rispons pożittiv li kienet qed tirċievi.
Facebook / Jay Vella