L-Ingilterra Se Tkun Qed Tipprojbixxi L-Bejgħ Ta’ Energy Drinks Lil Min Għandu Anqas Minn 16-il Sena – Malta Għandha Tagħmel L-Istess?

Minn April tal-2027, tfal u adolexxenti taħt is-16-il sena fl-Ingilterra mhux se jkunu jistgħu jixtru energy drinks b'livelli għoljin ta' kaffeina, wara li l-Gvern ħabbar regoli ġodda mmirati biex jipproteġu s-saħħa taż-żgħażagħ. Skont il-miżuri l-ġodda, se jkun illegali li jinbiegħu xarbiet li fihom aktar minn 150mg ta' kaffeina għal kull litru lil persuni taħt is-16-il sena. Ir-regoli se japplikaw għall-ħwienet kollha, fosthom supermarkets, ħwienet tal-konvenjenza, ristoranti, kafetteriji u anke pjattaformi online.

Barra minn hekk, il-bejgħ ta' dawn ix-xarbiet minn vending machines se jkun ipprojbit ukoll. Fost il-marki li mistennija jaqgħu taħt din il-projbizzjoni hemm Red Bull, Monster, Relentless u Prime, li diġà jġorru twissijiet fuq il-prodotti tagħhom li mhumiex rakkomandati għat-tfal.

Min-naħa l-oħra, xarbiet bħal te, kafè u soft drinks b'livelli aktar baxxi ta' kaffeina, fosthom Coca-Cola u Pepsi, mhux se jkunu affettwati. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara tħassib dejjem jikber dwar il-konsum tal-kaffeina fost it-tfal. Dejta mir-Renju Unit turi li sa terz tat-tfal jixorbu mill-inqas energy drink wieħed fil-ġimgħa, filwaqt li bott wieħed ta' xi marki jista' jkun fih daqs il-kaffeina ta' żewġ tazzi kafè jew erba' bottijiet cola.

Il-Gvern Ingliż qal li dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu l-konsum eċċessiv tal-kaffeina fost iż-żgħażagħ u jtejbu s-saħħa tagħhom. U int x'taħseb? Malta għandha ssegwi dan l-eżempju u tintroduċi projbizzjoni simili?

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI