Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Dipartiment tal-Informazzjoni qasmu mas-segwaċi tagħhom ftit informazzjoni dwar il-Proġett pilota Fish Fridays li beda riċentament.
Qalu, “Ingħata bidu għall-proġett pilota ‘Fish Fridays’ f’erba’ skejjel primarji madwar Malta. Dan il-proġett għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-konsum sostenibbli tal-ħut u jżid l-għarfien dwar l-importanza tiegħu bħala parti minn dieta bilanċjata.”
Żiedu, “F’dawn l-iskejjel saru sessjonijiet edukattivi mmexxija minn nutrizzjonisti, li indirizzaw lill-istudenti dwar il-benefiċċji tal-konsum tal-ħut u l-importanza ta’ nutrizzjoni sana. Dawn is-sessjonijiet ingħataw lil tfal mill-Year 1 sal-Year 6, li tqassmu fi gruppi skont l-età sabiex tiġi ffaċilitata parteċipazzjoni aktar effettiva. Wara dawn is-sessjonijiet, it-tfal ingħataw porzjonijiet ta’ ikel ibbażat fuq il-ħut ippreparat apposta.”
Qalu wkoll, “L-istudenti qed jinqasmu fi gruppi sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet jitmexxew b’mod effiċjenti u sigur, filwaqt li kull skola qed tadotta sistema ta’ rotazzjoni biex tilħaq lill-istudenti kollha. Din il-fażi pilota qed isservi biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni operattiva tal-proġett f’ambjent reali, bil-għan li fil-futur din l-inizjattiva tkun tista’ tiġi estiża għal aktar skejjel madwar il-pajjiż.”