Illum qed jiċċelebra għeluq sninu l-attur Carmel Gauci li għalaq 72 sena. F’dan il-jum speċjali huwa rċieva messaġġ ħelu mingħand wieħed min-neputijiet tiegħu. Neputi kemxejn differenti minn kif wieħed jistenna… għax hu kellu messaġġ ħelu miktub mingħand il-qattus tiegħu Fish.
Hu qallu, “Għażiż nannu Żgiċċ, ma stajtx inħalli llum jgħaddi mingħajr ma nawguralek f’għeluq sninek. Ġimagħtejn ilu tlabtni rigal, għidtli jekk tibda tiekol u tħossok aħjar tkun tajtni l-aqwa rigal. Ħeq jien obdejtek, niekol qiegħed u erġajt qed nittanta lil ħija Chip.”
Il-messaġġ ikompli jgħid, “Grazzi nann ta’ kemm tħobbni u tfessidni. Ta’ kemm ġrejt bija għand tobba, avolja qalbek weġġgħetek tarani mitluq. Grazzi ta’ kemm tgeddisni, tilgħab miegħi u tbewwes fija. Grazzi wkoll ta’ kemm tissaporti l-pipi biex ma ċċaqlaqnix meta nkun rieqed f’ħoġrok!”
Fl-aħħar jagħlaq, “Ma setax ikollna nannu aħjar. Jien naf li jien in-neputi favorit, għax noqgħod ngħinek tistudja l-linji, u nnewwillek il-posta kull filgħodu, imma tinkwieta xejn, lill-oħrajn mhux ħa ngħidilhom. Xtaqu jawgurawlek ukoll, imma dawk mhux bħali ma jinqalawx għall-kitba. Inħobbok ħafna… u kun af li int il-favorit tiegħi ukoll, imma sssshhhh tgħidilhom xejn!”
L-imħabba ta’ Carmel lejn il-qtates hi waħda ċara u f’dan il-post toħroġ aktar ċara kemm jagħmel minn kollox għalihom.
Facebooko / Sihon Gauci