Omm u bint kellhom jagħmlu swab test minħabba li r-raġel u missier it-tifla nstab pożittiv għall-Covid-19. L-omm spiċċat imħassba ħafna wara li r-riżultat ta’ bintha baqa’ ma ħareġ qatt, fl-aħħar lil din l-omm qalulha li bintha kellha terġa’ tiġi ttestjata wara li lott ta’ testijiet tħalla mingħajr ebda tikketta.
Hi provat tagħmel kuntatt biex tippriva tifhem x’ġara iżda sfortunatament tħalliet bla risposta dwar ir-riżultat tat-tifla. Dak li ħawwad aktar lill-omm kien li hi għamlet it-test fl-istess ċentru u fl-istess ħin ma’ bintha iżda r-riżultat tagħha ħareġ ftit iktar minn 24 siegħa wara bla problemi ta’ xejn.
Is-sit Lovin’ Malta li għamel kuntatt mal-omm irrapporta HAWN li l-omm qalet li fl-aħħar irnexxielha taqbad mal-laboratorju fejn qalulha li kien hemm lott ta’ testijiet li ntilfu minħabba li ma kellhomx tikketta fuqhom.
L-omm qalet lill-istess sit, “Issa, tifla ta’ tmien snin imbeżża’ ħa jkollha terġa’ tgħaddi mill-dan kollu sempliċement minħabba inkompetenza.” Dalgħodu jidher li t-tifla għamlet it-tieni swab tagħha f’Mater Dei u għat-tieni darba qed jistennew ir-riżultat!
Nittamaw li t-tifla tinstab negattiva għal dan il-virus ukoll!