Il-Kunsill Lokali tal-Kalkara, permezz ta’ fondi addizzjonali mill-Iskema għall-Attivitajiet Kulturali maħruġa mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, se jtella’ ir-raba’ edizzjoni ta’ Lejla Rnella. Din l-attività se ssir nhar is-Sibt 2 ta’ Awissu, fil-Bajja tal-Kalkara u hi mmirata għall-familja kollha.
Dettalji dwar din l-attività tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, u s-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina. Din l-attività se tinkludi, fost oħrajn, il-grupp ‘The Travellers’, Claudia Faniello, DJ Koroma, Lapes u Nadine. Se jkun hemm ukoll żona għat-tfal u żona għal persuni b’abiltajiet differenti sabiex din l-attività tkun inklussiva għal kulħadd.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegat li din l-attività hija parti minn programm sħiħ ta’ attivitajiet mill-Kunsilli Lokali li tħabbru fil-bidu ta’ dan is-sajf, fejn kważi kull tmiem il-ġimgħa qed ikun hemm attività partikolari li tesponi s-sbuħija tal-lokalità rispettiva.
“Il-Kottonera hi fost l-aktar postijiet imfittxija mill-Maltin u Għawdxin tul ix-xhur tas-Sajf, u għalhekk din l-attività żgur se tinżel tajjeb ma’ dawk li jiffrekwentaw dawn in-naħat fi tmiem il-ġimgħa. Bħal kull sena din l-attività dejjem kienet waħda ta’ kwalità għolja, u din is-sena l-Kunsill Lokali tal-Kalkara kompla jenfasizza sabiex tkompli titjieb il-kwalità. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet kull Malti u Għawdxi jista’ jgawdi mal-familja tiegħu f’atmosfera mill-isbaħ,” qalet Zerafa Civelli.
Is-Segretarju Parlamentari temmet tgħid li dawn l-attivitajiet huma wkoll parti mill-kullana ta’ inizjattivi tal-Gvern għall-Viżjoni Malta 2050, għaliex permezz tagħhom qed tiġi elevata l-kwalità tal-ħajja u l-aċċess għal divertiment bla ħlas għaċ-ċittadini.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina qal li “Kuntenti li għal sena oħra qed nippreżentaw Lejla Rnella. Qed nibnu fuq l-edizzjonijiet passati biex inkomplu nkabbru mas-suċċess ta’ din l-attività. Permezz ta’ Lejla Rnella se jkun hawn kunċert b’xejn għal kulħadd fil-bajja tal-Kalkara fejn kulħadd jista’ jieħu gost. Attività mmirata għal kulħadd, inkluż il-familji.”
Is-Sindku kompla jispjega li se jkun hemm parkeġġ fi Triq Missjoni Taljana, qrib il-ground tal-futbol tal-Kalkara, jew fi Triq Santa Liberata qrib il-Kunvent tal-Patrijiet tal-Kapuċċini u minn hemm se jiġi offrut Mini-Bus Shuttle b’xejn li jwassal lin-nies għal bajja u lura mis-7:30pm sal-11:30pm. Huwa temm billi rringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari u lid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali tal-appoġġ finanzjarju għal din l-attività.