Malta Public Transport tħabbar servizzi estiżi għall-aħħar lejl tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar.
Malta Public Transport se tkun qed tħaddem servizzi tard bil-lejl għall-aħħar lejl tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar, skedat għal nhar il-Ħamis 30 ta’ April, biex l-ispettaturi jkunu jistgħu jaslu d-dar b’mod sigur u komdu wara l-avveniment.
Il-vjaġġi se jibqgħu jitilqu sa tard bil-lejl, b’ċertu rotot joperaw sa madwar is-02.10 ta’ filgħodu, inkluż servizzi li jgħaqqdu l-Belt Valletta ma’ Tas-Sliema, San Ġiljan, Birkirkara u l-Mosta.
Se jkun hemm ukoll vjaġġi fit-tard lejn il-Mellieħa, Marsaskala, Żejtun u Żurrieq, biex ikun hemm kopertura wiesa’ tal-gżira wara l-avveniment.

Ritratt: Facebook/ Malta International Fireworks Festival
Malta Public Transport tfakkar lill-passiġġieri li n-netwerk ta’ matul il-lejl joffri soluzzjonijiet ta’ vjaġġar matul is-sena kollha, u joffri alternattiva affidabbli għat-trasport privat.
Dan in-netwerk ta’ matul il-lejl kien estiż riċentement b’rotot ġodda u żieda fil-frewkenza fuq dawk eżistenti.
Ir-rotot ta’ matul il-lejl, identifikati b’N qabel in-numru, jgħaqqdu żoni urbani bħall-Belt Valletta, Tas-Sliema, San Ġilan u Buġibba ma’ bosta lokalitajiet residenzjali, fosthom Birkirkara, Mosta, Qormi, iż-Żebbuġ, iż-Żejtun, Marsaskala, il-Mellieħa u l-Ħamrun.
Kull min għandu Tallinja Card personalizzata jista’ jivvjaġġa b’xejn fuq is-servizzi regolari u speċjali.
Dawk li m’għandhomx il-kard jistgħu jixtru biljett għal prezz ta’ €2 għal vjaġġi ta’ matul il-jum u ta’ €3 għal dawk ta’ billejl u s-servizzi speċjali. Jiġu aċċettati ħlasijiet cash u contactless.
Facebook/ Malta International Fireworks Festival