L-imprenditur Malti Joseph Portelli sar uffiċjalment is-sid il-ġdid tal-klabb Taljan Ars et Labor Ferrara (SPAL/Ferrara Calcio) b’effett immedjat, wara li llum ġie ffirmat ftehim f’Ruma mas-sidien preċedenti Juan Martin Molinari u Andres Adolfo Marengo.
Fi stqarrija, il-klabb ħabbar li l-għan ewlieni tal-proġett il-ġdid huwa li Ars et Labor Ferrara terġa’ lura fil-livell li jixraq lill-istorja u t-tradizzjoni tagħha, filwaqt li tibqa’ tonora l-passat glorjuż tagħha. Il-klabb sostna li d-deċiżjonijiet kollha se jkunu bbażati fuq il-valuri tat-trasparenza, l-integrità, il-kompetenza u l-ambizzjoni – prinċipji li, skont l-istqarrija, dejjem ikkaratterizzaw is-suċċessi tiegħu kemm fil-futbol kif ukoll fid-dinja tan-negozju.
Fl-istess ħin tħabbar ukoll li Marcel Bonnici nħatar bħala Chief Executive Officer (CEO) tal-klabb b’effett immedjat, filwaqt li aktar ħatriet fi ħdan l-istruttura amministrattiva se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin. Il-klabb qal li fil-jiem li ġejjin se jorganizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Paolo Mazza Stadium f’Ferrara, fejn se jiġu ppreżentati aktar dettalji dwar il-proġett il-ġdid.
Barra minn hekk, il-mexxejja l-ġodda esprimew ix-xewqa li jiltaqgħu wkoll mas-supporters tal-klabb, li ddeskrivew bħala "l-qalb tħabbat" ta’ Ars et Labor Ferrara. Matul din il-laqgħa se tiġi ppreżentata l-viżjoni għall-futur tal-klabb u l-impenn li jsir dak kollu possibbli biex il-klabb jerġa’ jikseb is-suċċessi li jixraqlu.
Facebook / Joseph Portelli