Josuel Grech Fost L-Aqwa Ħamsa Fil-Finali Tal-Kompetizzjoni Ta’ Impersonators Tal-Leġġendarju Elvis Presley Fl-Awstralja

Il-kantant Malti Josuel Grech kompla jagħmel isem għalih barra minn Malta hekk kif irnexxielu jasal fost l-aqwa ħames finalisti f’kompetizzjoni ta’ Elvis Presley impersonators li qed issir waqt il-festival rinomat Cooly Rocks On f’Queensland, l-Awstralja.

Grech ħabbar l-aħbar permezz tal-midja soċjali, fejn esprima l-ferħ u l-gratitudni tiegħu wara prestazzjoni oħra b’suċċess. “X’ġurnata fil-Cooly Rocks On! Inħossni onorat u eċċitat li għaddejt għall-Finali Mal-Aqwa 5. Grazzi lil kulħadd tal-appoġġ inkredibbli tagħkom – issa nħares ’il quddiem għall-aħħar prestazzjoni tal-Ħadd,” kiteb.



Il-kompetizzjoni tiġbor fiha talenti minn diversi pajjiżi li jinterpretaw il-kanzunetti u l-istil tal-leġġenda tar-rock and roll, Elvis Presley. Li jasal fost l-aqwa ħamsa huwa kisba notevoli, speċjalment fid-dawl tal-livell għoli tal-kompetizzjoni u n-numru ta’ parteċipanti li jieħdu sehem kull sena.



Josuel ilu magħruf fost il-partitarji tal-mużika rock and roll u tributes ta’ Elvis Presley, u matul is-snin bena reputazzjoni bħala artist li jagħti importanza kbira lid-dettall, kemm fil-vuċi kif ukoll fil-preżenza tiegħu fuq il-palk.



Issa l-attenzjoni kollha hija fuq il-finali tal-Ħadd, fejn il-kantant Malti se jkollu l-aħħar opportunità biex jimpressjona lill-ġurija u lill-udjenza fil-ġlieda għat-titlu.

Din il-kisba hija waħda li tagħmel unur mhux biss lil Josuel iżda wkoll lil Malta, hekk kif qed jirrappreżenta lil pajjiżna fuq palk internazzjonali f’waħda mill-aktar kompetizzjonijiet prestiġjużi ddedikati lill-wirt artistiku ta’ Elvis Presley.

Nawgurawlu kull suċċess għall-finali!

Ritratti:

Facebook / Josuel Grech

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI