Il-Jum Dinji tar-Rangers jitfakkar kull sena biex jiċċelebra u jagħti rikonoxximent lix-xogħol importanti li jagħmlu r-rangers fil-postijiet pubbliċi biex jipproteġu r-riżervi madwar id-dinja.
Dawn il-professjonisti huma fuq quddiem nett fil-protezzjoni tan-natura, il-konservazzjoni tal-annimali selvaġġi, u s-salvagwardja tas-siti naturali u kulturali.
F’dan il-jum, nagħtu ġieħ lil dawk li jpoġġu ħajjithom f’riskju biex jipproteġu l-ambjent naturali tagħna u niftakru wkoll f’dawk ir-rangers li tilfu ħajjithom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Huwa wkoll mument biex napprezzaw l-importanza tax-xogħol tagħhom u nsaħħu l-appoġġ lejhom kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Il-paġna ta’ Facebook Malta Rangers Unit kitbet dwar dan ukoll.
“Għadna ngħixu f’dinja fejn il-kriminali ambjentali jħossuhom ’il fuq mil-liġi, saħansitra lesti joqtlu lil min jipproteġi n-natura li għandna bżonn biex ngħixu. L-MRU tinsab solidari mar-rangers madwar id-dinja li qed jiddefendu l-ambjent.”
Malta Ranger Unit ħabbret li bejn Ġunju 2024 u Mejju 2025, tilfu ħajjithom 175 ranger minn 41 pajjiż waqt li kienu qed jipproteġu r-riżervi ta’ madwarna. Jenfasizzaw li dan qatt ma kellu jiġri, u li hemm bżonn li jsir xi ħaġa.