L-eks-goalkeeper Malti u eks-kunsillier fil-Furjana, Justin Haber, instab ħati ta’ fastidju sesswali lil tfajla taħt il-15-il sena. L-azzjonijiet seħħew bejn l-2020 u l-2022, waqt li l-vittma kienet qed taħdem bħala waitress f’ristorant f’Marsaxlokk, fejn hi kienet l-impjegata ta' Haber.
L-akkuża inkludiet espressjonijiet verbali, ġesti jew atti fiżiċi fejn it-tali atti, kliem jew imġieba ma kinux mixtieqa mill-vittma u setgħu jitqiesu bħala offensivi, umiljanti, degradanti, jew intimidanti lejha.
L-ispettur intweriet konverżazzjoni anonima allegatament bejn Haber u persuna mhux identifikata. Wara l-investigazzjoni tagħha, l-Ispettur identifikat il-persuna involuta u intervistatha fil-preżenza tal-ġenituri tagħha.
Il-vittma qalet li Haber kien taha daqqa ta’ ħarta fuq il-warrani, talabha tbusu fuq ħaddejh, u mbagħad dawwar wiċċu, u b’hekk hija spiċċat tbusu fuq xufftejh.
Hija sostniet ukoll li Haber kien talab ritratti ta’ sidirha għarwiena, għalkemm qatt ma obdiet, u staqsieha darbtejn dwar il-verġinità tagħha filwaqt li stedinha wkoll biex ikollha x'taqsam miegħu sesswalment f’żewġ okkażjonijiet.
Haber wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Haber ġie kkundannat għal sentejn priġunerija, sospiżi għal erba’ snin, multa ta’ €7,000, ordni ta’ restrizzjoni ta’ tlett snin, u li jissemma fir-Reġistru tal-Offendituri.
Facebook / Justin Haber