Christa Cilia appellat lill-pubbliku wara li sabet kelba ddur waħedha fiż-Żurrieq matul dawn l-aħħar jiem. F’post li qasmet fuq il-midja soċjali, Christa spjegat li l-kelba ilha tidher fiż-żona sa minn nhar is-Sibt, fejn illum saħansitra bdiet timxi wara xi nies u daħlet magħhom ġo garaxx, tant li dehret komda hemmhekk u ma riditx toħroġ.
Christa qalet li ddeċidiet li tiġbor il-kelba magħha għal-lejl, filwaqt li nnutat li l-kelba mhux iċċippjata. “Din il-kelba ilha ddur waħedha miż-Żurrieq. Illum baqgħet timxi wara nies u daħlet magħhom fil-garaxx u ma ċaqalqitx minn hemm, ħassitha komda. Illejla ġbartha u mhux iċċippjata u ser tibqa’ miegħi,” kitbet Christa.
Hija żiedet tgħid li tinsab inkwetata minħabba li taħseb li l-kelba jista’ jkollha l-ġriewi xi mkien, filwaqt li osservat li minkejja li tidher mitmugħa sew, hija maħmuġa u għandha wkoll il-qurdien, li jista’ jindika li kienet tgħix f’razzett.
Christa appellat lil kull min jaf xi informazzjoni dwar din il-kelba sabiex jagħmel kuntatt magħha. Il-kelba nstabet fiż-żona tal-Iscouts taż-Żurrieq.
Facebook / Christa Cilia