“Insellem il-memorja għażiża ta’ Charles Borg mir-Rabat li kien ix-xufier tiegħi u li sena ilu tlifnieh”, b’dawn il-kelmiet mimlijin emozzjoni, il-Ministru Julia Farrugia sellmet il-memorja ta’ Charles Borg, persuna li, kif stqarret hi stess, ħalla marka sabiħa u sinċiera fost dawk kollha li kellhom il-privileġġ jaħdmu u jiltaqgħu miegħu.
Fil-messaġġ tagħha, Julia qalet li Charles ma kienx biss ix-xufier tagħha, iżda wkoll persuna rispettata u maħbuba ħafna mill-kollegi fis-Segretarjat, tant li, kif kitbet hi stess, “jibqa’ dejjem f’qalbna”. Kliem li juri kemm Charles kien iħalli impatt pożittiv fuq dawk ta’ madwaru permezz tal-ġentilezza, l-umiltà u d-dedikazzjoni tiegħu.
Fil-filmat Julia ltaqgħet ma’ iben Charles, fejn qasmet miegħu kemm għadha tħoss in-nuqqas ta’ missieru. Fl-istess waqt, hija ħadet l-opportunità biex tistaqsi dwaru u tara kif jinsab, speċjalment għax kienet taf kemm missier u iben kienu qrib ħafna ta’ xulxin u kemm kellhom rabta speċjali.
Il-messaġġ ta’ Julia, qanqal emozzjoni kbira fost dawk li segwewha fuq il-midja soċjali. Bosta kienu dawk li sellmu wkoll il-memorja ta’ Charles, filwaqt li oħrajn iddeskrivewh bħala persuna ta’ qalb kbira li dejjem kien lest jgħin lil kulħadd.
Facebook / Julia Farrugia