Kieku l-Prinċipessa Diana għadha fostna llum il-ġurnata, kieku qed tiċċelebra l-età sabiħa ta’ 64 sena llum.
Jgħaddu kemm jgħaddu snin, il-Prinċipessa Diana tibqa’ waħda mill-iżjed membri tal-Familja Rjali maħbuba u rrispettata minn madwar id-dinja kollha. Il-fatt li ‘l fuq minn żewġ biljun persuna segwew il-funeral tagħha huwa xhieda ta’ dan.
Il-mewta tal-Prinċipessa Diana kienet ħasdet lil kulħadd, bl-inċident tat-traffiku li serqilha ħajjitha kien anke ta l-ħajja lil diversi spekulazzjonijiet u teoriji dwar jekk kienx hemm xi mottiv ieħor li seta’ kkawża din it-traġedja.
Il-Prinċipessa Ingliża kienet magħrufa ferm għall-ġid filantropiku li dejjem għamlet matul ħajjitha kif ukoll għall-personalità umli tagħha fejn mhux l-ewwel darba li saħansitra kisret xi protokoll sabiex tkun iżjed qrib ta’ dawk l-aktar emarġinati fis-soċjetà.