Maria Mallia tiċċelebra hekk kif ġiet ippremjata bl-unur “Most Dedicated”, għall-impenn kbir tagħha lejn l-isport tan-netball.
Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, Maria qalet li tinsab grata u onorata ħafna li rċeviet dan ir-rikonoxximent, filwaqt li rringrazzjat lill-kowċis tagħha Ramona Vassallo u Christine Grima għall-fiduċja u l-appoġġ tagħhom.
Hija qalet li ma kinitx dejjem faċli żżomm mal-isport li tħobb, hekk kif kien hemm żminijiet fejn iċ-ċirkostanzi tal-ħajja ppruvaw iwaqqfuha milli tkompli tilgħab. Madankollu, Maria qatt ma qatgħet qalbha u n-netball baqa’ dejjem parti importanti minn ħajjitha.
Dan l-istaġun kien wieħed speċjali wkoll għax it-tim tagħha, All Ages Netball Club, kiseb promozzjoni għall-1st Division. Maria rringrazzjat lil sħabha tat-tim talli saru bħal familja waħda u talli qasmu magħha dawn il-mumenti.
Minbarra l-irwol tagħha bħala plejer, Maria esprimiet ukoll il-ferħ tagħha li ngħatat l-opportunità tikkowċja lill-plejers żgħażagħ tan-nursery u tara l-progress tagħhom.
Hija temmet billi rringrazzjat lill-familja tagħha, lil Elton Paksu u lil Cataleya, għall-appoġġ kontinwu tagħhom matul dan il-vjaġġ mimli passjoni u dedikazzjoni.
Facebook/Maria Mallia