Esperjenza li qatt ma kien stenna Jeremy J. Camilleri, ħeġġitu sabiex jagħmel appell importanti dwar l-għarfien tal-ewwel għajnuna u s-CPR.
F’filmat li qasam, Jeremy rrakkonta kif waqt li kien ma’ sħabu u l-partner tiegħu f’post fejn kellhom pjan li xi darba jmorru jgħumu, lemaħ raġel wiċċu ’l isfel fil-baħar. Għall-ewwel stennew ftit biex jaraw jekk kienx kollox sew, iżda wara madwar minuta u nofs induna li xi ħaġa ma kinitx f’postha.
Meta mar jiċċekkja, sab li r-raġel kien mitluf minn sensih u beda jallarma lin-nies ta’ madwaru. Minkejja l-biża’ ta’ xi wħud biex jersqu, Jeremy kien se jinżel bil-ħwejjeġ kollha fil-baħar biex jipprova jgħin, imma minn xi mkien ġiet mara u niżlet hi, filwaqt li hu ċempel għall-għajnuna fuq 112.
Fl-aħħar, żewġ persuni bdew jagħtu CPR sakemm waslu l-pulizija u s-servizzi tal-emerġenza.
Jeremy qal li ma jafx x’kien l-eżitu tar-raġel, iżda ried juża din l-esperjenza biex iqajjem kuxjenza dwar kemm hu importanti li wieħed jitgħallem l-ewwel għajnuna.
“Ma kontx naf kif nagħmel CPR, imma kont naf li rrid nagħmel xi ħaġa,” qal waqt li ħeġġeġ aktar nies jieħdu korsijiet ta’ first aid, għax għarfien bħal dan jista’ jsalva ħajja.
Facebook/Jeremy J.Camilleri