Kif ħafna jafu fl-iskeda l-ġdida ta’ ONE qed terġa’ tintwera Ħbieb u Għedewwa, sensiela li kienet ixxandret propju 10 snin ilu b’episodju kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa.
Gwida.mt tkellmet ma’ Evelyn Saliba La Rosa u Michael Vella Haber minn Rikordja, dwar dan ir-ritorn fuq it-televiżjoni lokali.
Kif nibtet l-idea li jerġa’ jintwera Ħbieb u Għedewwa fuq it-televiżjoni lokali?
Michael: Ħbieb u Għedewwa hi produzzjoni li damet sejra sitt snin sħaħ, u kienet tiġi trasmessa mit-Tnejn sal-Ġimgħa. B’kollox kellha eżatt 1,000 episodju. Kienet sensiela li kienet kisbet ħafna popolarità fi żmienha, u l-idea li terġa’ tiġi mxandra kienet doppja. L-ewwel nett kull dar ta’ produzzjoni, kull artist, ikun jixtieq li x-xogħol tiegħu kemm jista’ jkun jasal għand in-nies, firxa wiesa. Meta ONE wera l-interess li jxandar is-sensiela Ħbieb u Għedewwa aħna ovvjament konna disponibbli u għamilna minn kollox biex dan ikun possibbli.
X’kienet ir-reazzjoni tan-nies għal din l-aħbar?
Evelyn: In-nies ħadu pjaċir, għalihom kienet deja vù vera ħelwa, vera sabiħa. Tgħidx kemm qed jarawh nies għax il-ħin kollu jwaqqfuna li qed jerġgħu jaraw Ħbieb u Għedewwa, vera qed jieħdu pjaċir. Jiena xħin nara l-ewwel staġun taqbadni nostalġija, għax qed nara ħafna atturi, jew li issa kibru, għax ara kemm ilu dan, jew li sfortunatament ħallewna, bħal John Mansueto.
Hemm xi staġun li tgħidu hu l-favorit tagħkom?
Evelyn: L-ewwel u t-tieni staġun, għax ovvjament dak kien il-bidu tagħna. Aħna konna l-ewwel li bdejna nagħmlu soap opera fuq l-istazzjon Malti, we broke ground hux. Allura, l-ewwel staġun vera bżajna, kienet sfida kbira għalina, imma vera ħadna pjaċir niktbuh u nipproduċuh!
Xi mument jew memorja minn wara l-kwinti li tibqgħu tiftakru?
Evelyn: Jiena kont soru fi Ħbieb u Għedewwa, kelli xena ma’ John Mansueto, fejn Saviour ħebb għalija. Kellna xena fejn beda jgħajjat miegħi, imma ovvjament għalija tifkira ħelwa taż-żmien li kelli fuq is-sett ma’ John, nimmissjawh ħafna, ħafna. Kuljum insemmuh.
Ser inkunu qed naraw l-istaġuni kollha f’dawn ir-repetizzjonijiet?
Michael: L-iskop huwa propju dak li nwasslu l-istaġuni kollha lit-telespettatur. Ovvjament dan jiddpeendi minn ħafna fatturi, però kemm aħna bħala dar tal-produzzjoni, kif ukoll ONE Television, qed nagħmlu minn kollox biex dan ikun possibbli. Jiġifieri, l-iskop huwa dak, u ħa nagħmlu minn kollox, biex sena wara sena, inkunu nistgħu nwasslu dawn l-episodji kollha.
Hemm xi ċans jew xi ħsieb li xi darba jirritorna Ħbieb u Għedewwa b’xi mod jew ieħor?
Michael: Bħala dar tal-produzzjoni dejjem inkunu nixtiequ li wara medda ta’ snin li tkun ħarġet dik il-produzzjoni, nerġgħu immorru nżuruha, u naqbdu waħda wara ammont ta’ snin. Ħbieb u Għedewwa mhix eċċezzjoni, anzi hi waħda mill-produzzjonijiet tagħna bħala Rewind u Rikordja, li dejjem xtaqna nerġgħu xi darba fil-futur qarib, naqbdu magħha biex speċi naraw x’ġara wara dawn is-snin kollha. Mhix ħaġa faċli għax ovvjament dan ikun jiddependi minn ħafna atturi u pjattaforma li tkun lesta li ġġorr produzzjoni bħal din, imma l-ħsieb dejjem qiegħed hemm.
Messaġġ mingħandkom għat-telespettaturi kollha li tant isegwukom. Forsi tfakkruhom ftit meta u xħin qed jintwera Ħbieb u Għedewwa?
Evelyn: Aħna li nagħmlu nagħmluh għat-telespettaturi. Jiena u Michael niktbu bil-Malti u nkomplu niktbu biex inżommu l-lingwa tagħna ħajja. Jekk nieqfu niktbu, naħseb din il-lingwa ser tmut mewta naturali, u aħna mhux se nħalluha tmut. Aħna nixtiequ ngħidu Grazzi lit-telespettaturi kollha. Dejjem jissapportjawna, dejjem jagħtuna rispons pożittiv. Kull fejn immorru jwaqqfuna jgħidulna Grazzi għax għandhom xi ħaġa bil-Malti li jistgħu jaraw kuljum.
Michael: It-trasmissjoni tal-episodji ta’ Ħbieb u Għedewwa jixxandru minn nhar it-Tnejn sa nhar il-Ġimgħa, żewġ episodji kuljum, bl-ewwel episodji fin-11:45 sal-12:15, u t-tieni episodju fil-16:55 sal-17:25.