Kif kien previst, din il-ġimgħa Malta mistennija tidħol fl-ewwel mewġa ta' sħana ta' dan is-sajf, b'temperaturi massimi li se jaqbżu l-35°C għal diversi jiem konsekuttivi.
Minħabba l-qilla tas-sħana, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex inaqqas ir-riskju ta' problemi marbuta mat-temperaturi għoljin u biex jipproteġi saħħtu.
Fost il-pariri hemm li wieħed jilbes beritta, nuċċali tax-xemx u juża sunblock meta joħroġ barra, jilbes ħwejjeġ ħfief, jixrob ħafna ilma u jiekol ikel frisk bħall-frott.
Huwa importanti wkoll li d-djar jinżammu friski, li wieħed jevita li joħroġ bejn il-11.00 u l-17.00, kif ukoll li jevita eżerċizzju fiżiku fl-eqqel tas-sħana u xorb alkoħoliku.
Barra minn hekk, huwa rakkomandat li wieħed iżomm kuntatt ma' persuni li jgħixu waħedhom u jevita li joħroġ fix-xemx bit-trabi, l-anzjani jew l-annimali domestiċi.