Il-komunità Maltija tinsab maħsuda wara l-aħbar tal-mewt tad-DJ maħbub Ryan Spiteri, b’ħafna persuni jesprimu n-niket u s-sogħba tagħhom fuq il-midja soċjali.
Fost il-mijiet ta’ messaġġi ta’ kondoljanzi, ħafna għażlu li jħallu l-kliem tagħhom fuq l-aħħar pubblikazzjoni ta’ Ryan, post li fih kien irrifletta fuq ħajtu u li issa qed jinqara b’emozzjoni kbira minn dawk li segwewh u kienu jafuh.
Ryan f'dan il-post fetaħ qalbu dwar il-ġlidiet personali li kien għaddej minnhom. Huwa stqarr li, għalkemm ma kienx perfett, qatt ma ried jagħmel il-ħsara lil ħadd, tkellem dwar l-uġigħ ta’ relazzjoni li spiċċat u ammetta li kien qed jibki kuljum. Fl-istess messaġġ, ħeġġeġ lil kull min qed jgħaddi minn żmien diffiċli biex ma jaqtax qalbu, jitgħallem iħobb lilu nnifsu u jfittex l-għajnuna, filwaqt li fakkar li “Alla jagħlaq bieb u jiftaħ mija.”
Ħbieb, kollegi u segwaċi qasmu x-xokk għat-telfa ta' Ryan, filwaqt li oħrajn kitbu kemm kien persuna li ħalla impatt fuq il-ħajja ta’ ħafna oħrajn.
Minn hawn nibagħtu l-kondoljanzi sinċieri tagħna lill-familja, lill-ħbieb u lil dawk kollha li kienu qrib Ryan f’dan il-mument diffiċli.
Strieħ fis-sliem, Ryan.
Facebook / Ryan Spiteri