Kim Wilde, Bonnie Tyler, Culture Beat, La Bouch U Dj Prezioso Jiftħu L-Istaġun Sajfi Fis-Summerlust Festival F’Ħal Għaxaq

Għaxaq Music Events għal darb’oħra se jkunu qed itellgħu l-kunċerti tas-Summerlust Music Festival ġewwa r-raħal ta’ Ħal Għaxaq, li din is-sena se jerġa’ jkun maqsum fuq tliet ijiem: nhar il-Ġimgħa 15, il-Ġimgħa 22 u s-Sibt 23 ta’ Mejju. Bħalissa, kif wieħed jista’ jimmaġina, għaddejjin l-aħħar preparazzjonijiet biex kollox ikun lest u dan il-festival jitgawda fil-qalba tar-raħal ta’ Ħal Għaxaq, proprju f’Għaxaq Grounds biswit il-pjazza ewlenija.



Is-serata tal-ftuħ se ssir nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Mejju permezz ta’ waħda mill-aktar vuċijiet maħbuba tas-snin tmenin, Kim Wilde, li kisbet suċċess kbir fil-karriera tagħha. Kim Wilde se tkun qed tagħti spettaklu ta’ siegħa u nofs fejn żgur se nisimgħu l-aqwa suċċessi tagħha fosthom You Keep Me Hangin’ On, Kids in America, You Came u l-kanzunetta tant maħbuba Cambodia. Qabel Kim Wilde se jkun hemm warm-up mid-DJs Maltin Alex Grech u Pierre Cordina li żgur iżommu lill-udjenza fuq ix-xwiek għal dak li jkun ġej. Jiftaħ is-serata l-grupp Different Minds, filwaqt li jkun hemm closing set ta’ DJ Ziggy.



Imbagħad ġimgħa wara, nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju, dawk kollha preżenti se jkunu jistgħu jiddevertu flimkien mal-kantanta leġġendarja Bonnie Tyler li wkoll se tagħti spettaklu tant mistenni permezz tas-suċċessi eterni tagħha Total Eclipse of the Heart, It’s a Heartache u I Need a Hero. Bonnie Tyler, li hija magħrufa għall-vuċi distintiva tagħha, ukoll se tagħti spettaklu ta’ siegħa u nofs. Qabel, se jkun hemm Glen Vella flimkien mal-band tiegħu, kif ukoll Gaia u Matt Black. Jiftaħ is-serata l-grupp Project, filwaqt li DJ Sue tagħlaq b’after party mistenni ħafna.



Dawk kollha li għadhom ma xtrawx il-biljetti tagħhom għal dawn iż-żewġ serati impekkabbli li se jiftħu l-istaġun tas-sajf, jistgħu jagħmlu dan billi jżuru www.showshappening.com. L-organizzaturi ħabbru wkoll li wara rispons tajjeb mill-isponsors u anke għajnuna minn entitajiet governattivi, se jiftħu area fejn id-dħul isir mingħajr ħlas, iżda tintalab donazzjoni b’risq Dar Bjorn. Dan ifisser li dawn il-kunċerti se jkunu miftuħin b’xejn għall-familji Maltin u Għawdxin.

Dan kollu jwassal għas-serata finali, nhar is-Sibt 23 ta’ Mejju, fejn se ssir is-Summerlust 90’s Edition — serata li dejjem tkun mistennija mill-poplu Malti, speċjalment minn dawk li jħobbu l-mużika tas-snin disgħin. Din is-sena se jkollna magħna l-artisti internazzjonali Culture Beat, La Bouche u Marvin & Andrea Prezioso. Magħhom jingħaqdu d-DJs Maltin Ryan Spiteri, Tenishia u DJ Rubi.

Bħalma ġara fis-snin li għaddew, matul dan il-festival se jinġabru donazzjonijiet għal għaqdiet differenti. Din is-sena, il-festival se jittella’ b’risq Dar Bjorn. Fis-snin imgħoddija nġabru ‘l fuq minn €70,000.

Għal aktar dettalji u informazzjoni, inħeġġukom iżżuru l-paġna ta’ Facebook Summerlust Music Festival, li tiġi aġġornata minn ġurnata għal oħra. Dan il-festival qiegħed isir taħt il-patroċinju distint tal-Kunsill Malti għall-Arti, Festivals Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI