Fid-dinja dinamika tad-drama, qed tieħu forma kollaborazzjoni verament unika: studenti Maltin u Indjani qed jingħaqdu f’għaqda artistika ispirata li toħloq spazju għal stejjer, interpretazzjonijiet u skambju kulturali intens. Permezz tal-palk, żgħażagħ minn żewġ kulturi differenti qed jidħlu f’djalogu artistiku li jaqbeż il-konfini, il-lingwa u t-tradizzjoni.
Il-parteċipanti Maltin Frances Galea, Pearl Saliba, Mandy Muscat, Luke Baldacchino u Justin Calleja li qegħdin jieħdu sehem f’workshop intens fl-Indja, flimkien ma’ żgħażagħ oħra mid-Lokadharmi School, taħt id-direzzjoni ta’ Mr Patrick Vella, figura stabbilita fid-dinja tat-teatru.
Is-sessjonijiet qed isiru ukoll grazzi għall-kontribut prezzjuż ta’ Dr Chandra Dasan mill-Indja u Dr Kathleen Bell mill-UAE, li flimkien qed iwasslu taħriġ b’viżjoni verament internazzjonali.
Il-workshop beda nhar is-Sibt 5 ta’ Lulju u jasal għall-qofol tiegħu nhar is-Sibt 12 ta’ Lulju bi produzzjoni teatrali bl-isem The Game of Fate. Din il-produzzjoni hija wirja u workshop ibbażat fuq taħlita affaxxinanti bejn Macbeth ta’ Shakespeare u r-rakkonti epiki mill-Mahabharata, fejn il-letteratura tal-Punent tgħaqqdet ma’ dik tal-Lvant b’mod armonjuż u kreattiv.
Il-proġett qed jiġi megħjun ukoll minn tim tekniku Malti Christian Sammut bħala make-up artist, u Jonathan Dingli li ħa ħsieb il-bini tas-sett, sabiex kull dettall jasal b’livell professjonali għoli.
Skambji bħal dawn huma essenzjali fid-dinja globali tal-lum. Huma jgħinu biex jinbnew pontijiet ta’ ftehim u ħbiberija, jikxfu l-ġmiel tad-differenza u juru l-qawwa tal-espressjoni artistika bħala lingwa universali. Il-parteċipanti qed jitgħallmu japprezzaw prattiċi differenti, stili ta’ interpretazzjoni u valuri li juru mhux biss il-ħiliet teatrali tagħhom, imma wkoll l-identità personali.
Dan il-proġett ambizzjuż beda minn Malta aktar minn sitt xhur ilu, fejn sar xogħol intensiv mal-atturi u mat-tim tekniku. Illum, dak il-ħolm qed jitwettaq fuq skala internazzjonali.
Għall-artisti Maltin, din l-esperjenza tfisser opportunità biex jitgħallmu u jifhmu kulturi oħra, iżda wkoll biex jirritornaw lejn Malta b’enerġija ġdida u kuraġġ li jkompli jsaħħaħ l-arti teatrali f’pajjiżna.
Il-kollaborazzjoni bejn Malta u l-Indja f’dan il-kuntest hija eżempju ċar ta’ kif it-teatru jista’ jkun forza li tgħaqqad u li tispira.