Ilbieraħ fl-ewwel episodju ta’ X Factor Malta, dehret l-audition ta’ John Falzon, bidwi ta’ 35 sena, li huwa wkoll missier ta’ żewġt itfal. John spjega li l-kant ma jagħmlux b’mod professjonali, iżda jieħu gost li bil-mużika jferraħ lil martu, lil uliedu, u anke forsi lil xi tiġieġa milli għandu.
John kanta l-kanzunetta Biblical ta’ Calum Scott u ta prestazzjoni tassew sinċiera u b’elementi fil-vuċi li laqtu kemm lil Amber, kif ukoll lil Gianluca. Howard, waqt il-kummenti tiegħu, qal lil John “Inkun qed nigdeb jekk ngħidlek li naħseb li għandek il-kwalitajiet biex din tkun professjoni… imma nkun qed nonqos jekk ma ngħidlekx ‘kompli għożż il-mużika, kompli agħti pjaċir lill-annimali u l-familja tiegħek, u l-iktar importanti agħti pjaċir lilek innifsek bil-mużika.”
Għalkemm John deher jitbissem f’dan il-mument, kienu bosta li kellhom reazzjoni negattiva għall-kumment ta’ Howard u l-mod ta’ kif wasslu lil-parteċipant. Il-vuċi ta’ John niżlet tajjeb ħafna mal-maġġoranza tas-segwaċi u jemmnu li kien ħaqqu ċans ieħor. X’taħsbu?