Komplut Ir-Restawr Tal-Faċċata Tal-Knisja Parrokkjali Tat-Trinità Qaddisa, Marsa

Il-proċess ta’ restawr tal-faċċata tal-Knisja Parrokkjali tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa ġie konkluż b’suċċess, u l-binja issa tinsab f’qagħda rinnovati, lesta biex tkompli sservi bħala ċentru spiritwali u komunitarju għal snin twal oħra.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, faħħar il-proġett u rringrazzja lill-ħaddiema kollha involuti għall-professjonalità u d-dedikazzjoni tagħhom. Huwa sostna li, “restawr bħal dan mhux biss jagħti ħajja ġdida lil bini storiku ta’ valur, iżda jsaħħaħ ukoll l-identità kulturali u spiritwali tal-komunità. Dan huwa investiment fil-wirt tagħna li se jkompli jħalli frott għal ġenerazzjonijiet futuri.”

Il-proġett kien imwettaq wara li d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni temm is-surveys tekniċi u nkisbu l-permessi neċessarji. Il-kuntrattur inħatar permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti, u b’hekk beda x-xogħol ta’ restawr fuq il-knisja.

L-interventi kienu jinkludu tindif mill-ħmieġ u s-sadid li kienu akkumulaw fuq il-faċċata, kif ukoll it-tneħħija ta’ imsiemer u elementi żejda li ġew miżjuda maż-żmien. Sar ukoll tikħil mill-ġdid tal-fili bil-ġir, sostituzzjoni ta’ ġebel deterjorat, u rikostruzzjoni ta’ partijiet neqsin jew bil-ħsara. Barra minn hekk, sar restawr tal-istatwi, tal-arloġġi, tal-aperturi u tal-kanċell tal-metall.

Il-Knisja Parrokkjali tat-Trinità Qaddisa, iddisinjata mill-perit Giovanni Debono, bdiet tinbena fl-1909 u ġiet dikjarata bħala parroċċa fl-1913. Mill-bidu nett kienet fdata f’idejn il-Patrijiet Kappuċċini, filwaqt li l-ispejjeż tal-bini ġew kollha ffinanzjati mill-koppja Balbi.

Għalkemm din il-knisja għadha relattivament żagħżugħa fil-kuntest storiku, kienu diversi l-elementi li kellhom bżonn attenzjoni urġenti biex jiġu ppreservati. B’dan l-intervent, il-binja issa hija assigurata għall-użu u l-apprezzament ta’ aktar ġenerazzjonijiet fil-futur.

Għaż-żjara tal-proġett kienu preżenti s-Sindku tal-Marsa Luke Farrugia, membri tal-Kunsill Lokali, u l-Kappillan Fr Pawlu Bugeja.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI