“Kont 190kg U Ħajti Kienet Fil-Periklu” – Celine Agius Titkellem Dwar L-Operazzjoni Li Bidlitilha Ħajjitha

Il-kantanta lokali Celine Agius, li rajna wkoll f’X Factor Malta, fetħet qalbha dwar il-vjaġġ tagħha wara li seba’ ġimgħat ilu għamlet bypass bariatric surgery. Celine spjegat li ħafna qed jistaqsuha jekk tirrakkomandax l-operazzjoni. Filwaqt li saħqet li d-deċiżjoni hija waħda personali, hija rrakkontat kemm kienet saret serja s-sitwazzjoni tagħha.

“Kont addict, mhux foodie. Moħħi kien jaħseb fl-ikel 24 siegħa kuljum,” stqarret. Celine żvelat li kienet laħqet il-190kg u li f’seduta waħda kienet kapaċi tiekol ħames burgers tal-McDonald’s, fries u kaxxa ta’ 20 nugget. Minkejja li fil-passat kienet irnexxielha titlef 50kg b’mod naturali, it-tabib tal-familja tagħha kien ħeġġiġha tagħmel l-operazzjoni minħabba r-riskji għal saħħitha.

Qabel l-intervent kienet waslet f’punt fejn anke mixjiet qosra kienu saru diffiċli. Celine qalet li bdiet tordna x-xirja online minħabba li ma kellhiex enerġija biex timxi fis-supermarket, filwaqt li saqajha kienu jkunu minfuħin u vjola. Madankollu, hija għamlitha ċara li l-operazzjoni mhix soluzzjoni maġika.

“L-operazzjoni ssir fuq l-istonku, mhux fuq il-moħħ,” kitbet, filwaqt li spjegat li l-isfida mentali tibqa’ u li t-terapija tista’ tkun importanti biex persuna tadatta għar-relazzjoni ġdida tagħha mal-ikel. Celine saħqet li xorta trid issegwi pjan tal-ikel, tagħmel l-eżerċizzju u taħdem fuqha nnifisha. Għaliha, l-operazzjoni hija biss “banketta” li tgħinek tersaq eqreb lejn xi ħaġa fuq xkaffa għolja – iżda xorta trid tagħmel l-isforz biex tilħaqha.

Ritratti:

Facebook / Celine Agius

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI