“Grazzi Talli Rawwimt Fija L-Imħabba Lejn Il-Malti” – L-MP Adrian Delia Jsellem Liz-Zija Tiegħu, Waħda Mill-Awturi Ta’ Id-Denfil

Kmieni din il-ġimgħa, il-Membru Parlamentari Adrian Delia qasam messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali biex isellem il-memorja taz-zija għażiża tiegħu, Doris Anastasi, magħrufa minn ħafna bħala Miss Anastasi. Permezz ta’ kliem mimli mħabba u gratitudni, Delia fakkar mhux biss fir-rabta personali li kellu maz-zija tiegħu, iżda wkoll fil-kontribut tagħha fil-qasam edukattiv, fejn għallmet eluf ta’ tfal fl-iskejjel tal-Ħamrun u Ħal Qormi.

“Adieu lill-għażiża ziti Doris. U grazzi ta’ dak kollu li għamilt miegħi. Ta’ kemm għallimtni, u eluf ta’ tfal oħrajn ġewwa l-iskejjel tal-Ħamrun u Ħal Qormi li jiftakru lil Miss Anastasi,” kiteb Delia. Huwa fakkar ukoll kif kienet proprju zitu li rawwmet fih l-imħabba lejn il-lingwa Maltija, filwaqt li żvela li kienet fost l-awturi tas-sensiela ta’ kotba Id-Denfil, li magħhom kibru ġenerazzjonijiet ta’ studenti Maltin.

Iżda lil hinn mill-kontribut tagħha fl-edukazzjoni, Delia esprima l-gratitudni tiegħu għall-appoġġ personali li dejjem sab fiha, partikolarment waqt l-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajtu. “Imma fuq kollox talli emmint fija u għaraft tagħmilli kuraġġ kbir anke fl-iktar żmien iebes,” stqarr Delia.

Huwa temm il-messaġġ tiegħu bi kliem sempliċi iżda mimli emozzjoni: “Ma ninsewk qatt u dejjem tibqa’ fit-talb tagħna.” Messaġġ li jfakkar kemm l-għalliema jistgħu jħallu impatt dejjiemi mhux biss fuq l-istudenti tagħhom, iżda wkoll fuq dawk kollha li jkollhom ix-xorti li jkunu parti minn ħajjithom.

Aħna minn Gwida.mt insellmu l-memorja ta’ Doris Anastasi u nwasslu l-kondoljanzi sinċieri tagħna lill-familja kollha tagħha. Strieħ fis-sliem.

Ritratt:

Facebook / Adrian Delia

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI