Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela, illum żar l-Alternative Learning Programme (ALP) f’Raħal Ġdid, fejn kellu l-opportunità jara mill-qrib it-tagħlim prattiku u l-esperjenzi edukattivi li qed jingħataw liż-żgħażagħ.
Permezz ta’ filmat li qasam fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru enfasizza dwar l-importanza li s-sistema edukattiva tagħraf il-ħiliet u l-aspirazzjonijiet differenti ta’ kull student.
“Kull student għandu t-talenti u l-aspirazzjonijiet tiegħu, u rridu nagħtuh l-opportunità li jilħaq il-potenzjal tiegħu,” kiteb Robert Abela. Huwa saħaq ukoll fuq l-impenn li jkompli jsir investiment f’sistema edukattiva li toffri opportunitajiet differenti liż-żgħażagħ, filwaqt li tgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jħejju ruħhom għall-futur.
“Se nkomplu ninvestu f’sistema edukattiva li tagħraf il-ħiliet differenti u tiftaħ aktar toroq għall-futur taż-żgħażagħ tagħna,” temm jgħid il-Prim Ministru.
Facebook/ Robert Abela