Tliet atleti żgħażagħ Maltin irrappreżentaw lil pajjiżna fil-Ferenc Szabo International Trophy, kompetizzjoni internazzjonali tal-irfigħ tal-piżijiet li saret ġewwa Spanja u li laqqgħet flimkien atleti taħt it-23 sena.
F’din il-kompetizzjoni ħadu sehem 11-il tim minn sitt pajjiżi, fosthom Spanja, l-Italja, il-Ġermanja, l-Ungerija u l-Gran Brittanja, fejn iż-żgħażagħ kellhom l-opportunità juru l-ħiliet u d-determinazzjoni tagħhom fuq livell internazzjonali. Fost l-atleti Maltin spikka Luke Stefan Micallef, li kiseb riżultat mill-aqwa hekk kif irnexxielu jerfa’ 103 kilogrammi fl-isnatch u 126 kilogramma fil-clean and jerk. B’total ta’ 333.08 punti, Micallef kiseb it-tielet post fil-klassifika ġenerali, kisba importanti kemm għalih kif ukoll għall-isport Malti.
Atleta Maltija oħra, Rheanna Briffa wkoll tat prestazzjoni pożittiva, hekk kif refgħet total kombinat ta’ 136 kilogramma u kisbet 204.9 punti. Intant, l-atleta Nathaniel Fenech irnexxielu jerfa’ 101 kilogramma fl-isnatch. Sfortunatament, minħabba aċċident, huwa kellu jirtira mill-kompetizzjoni qabel seta’ jlesti l-parteċipazzjoni tiegħu.
Il-parteċipazzjoni tal-atleti Maltin kienet possibbli grazzi għall-appoġġ tal-akkademja ta’ A Coruña, il-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta. Prosit lil dawn iż-żgħażagħ li komplew jagħmlu unur lil Malta fix-xena sportiva internazzjonali!