Filwaqt li eluf ta’ studenti madwar Malta u Għawdex qed jibdew jew waslu biex jibdew il-perjodu tal-eżamijiet, Ramona Attard qasmet mument ħelu u familjari li ħafna ġenituri jistgħu jidentifikaw ruħhom miegħu.
Fuq il-midja soċjali, Attard kitbet dwar bintha Stella, li bħalissa qed tħejji ruħha għall-ewwel eżami tagħha. “L-ewwel esperjenza ta’ Stella li se tagħmel eżami f’ħajjitha,” kitbet Ramona, filwaqt li ammettiet li l-aħħar xahar kien wieħed impenjattiv għall-familja tagħha.
Hija rrakkontat kif minħabba diversi impenji, hi u l-familja tagħha ma setgħux ikunu preżenti daqskemm xtaqu, u rringrazzjat lil ommha li ħadet ħsieb lil Stella matul dan il-perjodu. “Miskina għamlet xahar, aħna ma tantx konna preżenti. Imnalla kienet ommi li ħadet ħsieb,” qalet.
Ramona spjegat li Stella tinsab eċitata għall-esperjenza l-ġdida, iżda bħal ħafna tfal oħra qed tħossha nervuża. Madankollu, qalet li ppruvat tikkalmaha b’messaġġ sempliċi iżda importanti. “Qiegħda eċitata imma kkalmat meta għedtilha li l-aqwa li tagħmel l-almu tagħha u tmur kif tmur dak hu l-aktar importanti.”
Messaġġ li ħafna edukaturi u ġenituri jaqblu miegħu, hekk kif l-eżamijiet m’għandhomx jitqiesu biss bħala test tar-riżultati, iżda wkoll bħala opportunità biex l-istudenti jagħtu l-aħjar tagħhom u jitgħallmu mill-esperjenza.
Fl-okkażjoni tal-bidu tal-eżamijiet, nixtiequ nawguraw l-isbaħ xewqat lill-istudenti kollha li matul dawn il-ġimgħat se jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet tagħhom. Ftit nervi huma normali, iżda ftakru li l-aktar ħaġa importanti hija li tagħmlu l-almu tagħkom. Ir-riżultati huma importanti, iżda ma jiddefinixxux min intom. Emmnu fikom infuskom, ibqgħu kalmi u agħtu l-aħjar li tistgħu.
Awguri lill-istudenti kollha, nawgurawkom suċċess f’dan il-perjodu importanti fil-vjaġġ edukattiv tagħkom!
Facebook / Ramona Attard