L-Arċidjoċesi ta’ Malta fuq il-mezzi soċjali ħallew ir-reazzjoni tagħhom għall-aħbar li ħarġet dalgħodu fuq eks kappillan li nstab ħati.
Huma jibdew, “L-Arċidjoċesi ta’ Malta tinnota b’dispjaċir kbir u diżappunt li saċerdot djoċesan illum instab ħati fl-appell, dwar ksur ta’ konfini (boundaries) ta’ natura sesswali ma’ tfajla ta’ 15-il sena. L-Arċidjoċesi titlob apoloġija bla riżervi lill-vittma tal-azzjonijiet ta’ wieħed mill-membri tal kleru, u tixtieq tiċċara li diġà rreferiet dan il-każ lis-Santa Sede.”
L-Arċidjoċesi ta’ Malta jiktbu jkomplu, “Il-Vatikan iddeċieda li s-saċerdot, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, jiġi ristrett milli jwettaq il-ministeru tiegħu. L-Arċidjoċesi tirringrazzja lis-Safeguarding Commission għall-mod kif ħadet ħsieb dan il-każ, li serva biex jenfasizza l-bżonn kruċjali ta’ strutturi ta’ safeguarding li jinkoraġġixxu lill-individwi sabiex jitkellmu meta ma jħossuhomx siguri – partikolarment f’sitwazzjonijiet li jinvolvu persuni f’pożizzjonijiet ta’ awtorità.
Ma’ dan iżidu, “Is-Safeguarding Commission tat is-sapport meħtieġ lill-vittma biex tressaq il-każ u tirrapporta l-abbuż lill-Pulizija, u dan il-każ hu eżempju ċar li l-mekkaniżmi ta’ safeguarding jistgħu jkunu effettivi. Is-Safeguarding Commission tal-Knisja tħeġġeġ lil kull min ma jħossux sigur jew min hu xhieda ta’ mġiba mhux xierqa sabiex jitkellem, b’mod speċjali fi ħdan ambjenti fejn hemm żbilanċ ta’ poter.”
Huma jtemmu, “Minbarra s-sapport li s-Safeguarding Commission ipprovdiet lill-vittma, l-Arċidjoċesi se tipprovdi wkoll servizzi ta’ counselling u sapport emozzjonali lis-saċerdot ikkonċernat.”