Il-pjattaforma soċjali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta ttella’ dwar il-quddiesa li saret sabiex tiċċelebra l-ftuħ mill-ġdid tal-Knisja tal-Ġiżwiti. L-Arċisqof għamel enfasi fuq il-kuraġġ ta’ Ġwanni l-Battista li miet għal-verita’ u kkummenta wkoll fuq id-dmir tal-Università.
“Waqt quddiesa fil-ftuħ mill-ġdid tal-Knisja tal-Ġiżwiti, l-Arċisqof Charles Scicluna enfasizza l-kuraġġ ta’ Ġwanni l-Battista li tilef ħajtu għax qal il-verità. Il-mewt traġika tiegħu turi kif il-vjolenza spiss tkun ir-risposta tal-poter għall-verità, u semma kif f’pajjiżi bħall-Iran u l-Afganistan il-ħakma ta’ reġim awtokratiku tibqa’ preżenti anki meta tiġi ċċelebrata l-libertà.
L-Arċisqof fakkar ukoll li l-Università ta’ Malta, imnissla mill-missjoni tal-Ġiżwiti, għandha s-sejħa li tibqa’ bejta ta’ verità u mhux ta’ qerq. Talab biex l-għerf ta’ Alla jintuża għall-glorja tiegħu u l-ġid tal-bnedmin, u biex din il-knisja tkun spazju ta’ sbuħija li tillibera, isserraħ u televa; u l-kelma li tinstema’ fiha tkun ta’ faraġ u dawl.”