L-Ewwel Ġurnata Tal-Iskola Mil-Lenti Tas-Servizz Pubbliku!

Illum infetħu l-bibien tal-iskejjel f’Malta u Għawdex biex jilqgħu lill-istudenti għal sena skolastika oħra! Ġurnata li ġġib magħha emozzjonijiet differenti: l-eċċitament li jerġgħu jiltaqgħu mal-ħbieb, il-kurżità għal dak li se jitgħallmu u, għal dawk li qed jibdew esperjenza ġdida, ftit ansjetà wkoll. Għall-familji, din il-ġurnata tfisser ukoll ritorn għar-rutina u pass ieħor fil-vjaġġ edukattiv ta’ wliedhom.

Iżda wara kull bieb ta’ skola li jinfetaħ hemm il-ħidma ta’ ħafna nies. Il-bidu tas-sena skolastika huwa r-riżultat ta’ preparazzjoni u koordinazzjoni bejn professjonijiet differenti fis-Servizz Pubbliku, li lkoll jagħtu sehemhom biex l-istudenti jsibu ambjent nadif, sigur, organizzat u li jilqagħhom.

Meta nitkellmu dwar l-edukazzjoni, l-ewwel nies li jiġuna f’moħħna huma l-edukaturi. L-għalliema, il-Learning Support Educators, il-Kapijiet tal-Iskejjel u t-tmexxija edukattiva għandhom rwol ċentrali fil-ħajja tal-istudenti. Il-ħidma tagħhom tmur lil hinn mit-tagħlim fil-klassi: jiggwidaw, jinkoraġġixxu u jgħinu lill-istudenti jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom, filwaqt li jagħtu attenzjoni lill-ħtiġijiet differenti ta’ kull wieħed u waħda.

Il-preparazzjoni tagħhom tibda ferm qabel ma tidħol l-ewwel klassi. L-ippjanar tal-lezzjonijiet, it-tħejjija tar-riżorsi u l-organizzazzjoni tal-attivitajiet huma kollha parti minn ħidma li tgħin biex is-sena skolastika tibda sew. Għal ħafna studenti, kelma ta’ kuraġġ jew tbissima mingħand edukatur fl-ewwel ġurnata tista’ tagħmel differenza kbira.

Fl-istess waqt, hemm ħaddiema oħra li l-kontribut tagħhom huwa essenzjali għat-tħaddim tal-iskejjel. Fost dawn hemm il-ħaddiema tat-tindif, li jieħdu ħsieb li l-klassijiet, il-kurituri, il-faċilitajiet sanitarji u l-ispazji komuni jinżammu nodfa. Ix-xogħol tagħhom jikkontribwixxi direttament għall-benesseri ta’ dawk kollha li jqattgħu l-ġurnata fl-iskola.

Il-purtinara wkoll għandhom sehem importanti fil-ħajja ta’ kuljum tal-iskola. Ħafna drabi jkunu fost l-ewwel persuni li jassistu fil-ħtiġijiet prattiċi li jinqalgħu matul il-ġurnata. Warajhom hemm ukoll it-timijiet tal-manutenzjoni, li jieħdu ħsieb il-binjiet u l-faċilitajiet tal-iskejjel. Minn tiswijiet żgħar għal interventi aktar estensivi, il-ħidma tagħhom tgħin biex l-ispazji tat-tagħlim jibqgħu funzjonali u siguri. Il-perjodu tal-vaganzi huwa opportunità importanti biex jitwettqu xogħlijiet bi tħejjija għar-ritorn tal-istudenti u tal-ħaddiema.

Daqstant ieħor importanti huma l-ħaddiema amministrattivi. L-organizzazzjoni tad-dokumentazzjoni, iż-żamma tar-rekords, il-komunikazzjoni mal-familji u l-appoġġ lit-tmexxija tal-iskola huma fost il-ħidmiet li jgħinu biex kollox jimxi bl-ordni. Għalkemm parti kbira minn dan ix-xogħol issir wara l-kwinti, l-effett tiegħu jinħass fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità skolastika kollha.

It-teknoloġija għandha wkoll post importanti fl-edukazzjoni. Il-ħaddiema li jipprovdu appoġġ tekniku jgħinu biex it-tagħmir u s-sistemi diġitali jkunu jistgħu jintużaw għat-tagħlim u għall-amministrazzjoni. Meta tinqala’ diffikultà teknika, l-assistenza tagħhom tgħin biex il-ħidma tkun tista’ tkompli.

Il-kontribut tas-Servizz Pubbliku ma jieqafx mal-bieb tal-iskola. Fit-toroq tal-madwar, il-Pulizija u l-uffiċjali ta’ Transport Malta jikkontribwixxu għall-ġestjoni tat-traffiku u għas-sigurtà, partikolarment fil-ħinijiet tad-dħul u tal-ħruġ. Dawn huma mumenti meta l-attenzjoni u l-koperazzjoni ta’ kulħadd huma meħtieġa biex l-istudenti jaslu u jitilqu mill-iskola b’mod sigur.

L-ewwel ġurnata tal-iskola, għalhekk, turina kif ħidmiet differenti jingħaqdu għal għan komuni: li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jingħataw l-aħjar kundizzjonijiet biex jitgħallmu, jikbru u jirnexxu. Kull professjoni għandha r-responsabbiltajiet tagħha, iżda kull kontribut jagħmel differenza.

F’dan il-bidu ta’ sena skolastika, insellmu lill-ħaddiema kollha li jagħtu sehemhom fl-iskejjel u fis-servizzi li jsostnuhom. Nawguraw ukoll lill-istudenti, lill-edukaturi u lill-familji sena mimlija tagħlim, esperjenzi sbieħ u kisbiet ġodda!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI