“L-Għawdxi Jgawdi Minn Aktar Opportunitajiet … Imma Dejjem Hemm Fejn Nistgħu Nkomplu Ntejbu, Nibnu U Nimxu Aktar ’Il Quddiem” – Il-President Ta’ GUG

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu, l-President ta’ GUG Matthew Grech qasam kelmtejn proprju f’jum Għawdex li ġie ċċelebrat ilbieraħ. GUG hija l-għaqda li tirrappreżenta lill-istudenti Għawdxin.

Hu qal, “Illum niċċelebraw Jum Għawdex, jum li jfakkarna fil-ġmiel u s-saħħa ta’ din il-gżira ġojjell fil-qalba tal-Mediterran. Jum li jfakkar lilna wkoll fil-kuraġġ ta’ missirijietna, li qatt ma beżgħu jitħabtu għal dak li kien ġust u xieraq għalihom. Bħala Għawdxin, ħafna drabi nsibu ruħna f’sitwazzjonijiet simili għal tagħhom, fejn irridu niġġieldu għal dak li nemmnu fih, f’kull qasam tal-ħajja. Huwa minnu li matul is-snin saru passi kbar ’il quddiem u llum l-Għawdxi jgawdi minn aktar opportunitajiet. Imma dejjem hemm fejn nistgħu nkomplu ntejbu, nibnu u nimxu aktar ’il quddiem.”

Żied jgħid, “Fil-fatt, forsi proprju dawn l-isfidi għamlu lill-Għawdxi dak li hu: b’saħħtu, reżiljenti u determinat. Għax minn kull diffikultà dejjem ħareġ aktar b’saħħtu, u kull darba li waqa’ reġa’ qam b’aktar kuraġġ. Għalhekk, hekk kif illum niċċelebraw dan il-jum, ejjew infakkru mhux biss il-passat tagħna, iżda wkoll il-futur li rridu nibnu flimkien. Ejja nibqgħu naħdmu id f’id, Għawdxin u Maltin, għal ġejjieni sabiħ u ġust għalina u għal uliedna.”

Temm jgħid, “Nibqgħu noħolmu, għax jekk nieqfu noħolmu, nieqfu nimxu. Imma jekk nibqgħu noħolmu u nemmnu, il-ħolm tagħna jsir realtà, u hekk biss nistgħu nibqgħu mexjin ’il quddiem bħala poplu wieħed.”





Facebook/GUG/Matthew Grech



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI