L-Għaqda Piroteknika 10 t’Awwissu tal-Birgu ħarġet stqarrija uffiċjali fejn żvelat li l-preparamenti għall-Festa Titulari ta’ San Lawrenz ġew milquta direttament mill-isplużjoni li seħħet fil-kamra tan-nar tal-Madonna ta’ Lourdes aktar kmieni dan ix-xahar.
Fl-istqarrija, l-għaqda esprimiet is-solidarjetà tagħha mal-pirotekniċi u ma’ dawk kollha involuti fl-inċident, filwaqt li rrikonoxxiet is-sagrifiċċji li jagħmlu dawn il-voluntiera sabiex iwasslu spettakli pirotekniċi matul l-istaġun tal-festi.
L-għaqda spjegat li fost il-materjal li nqered fl-isplużjoni kien hemm il-kaxxa tal-ħruġ kollha għall-Festa ta’ San Lawrenz, kif ukoll l-akkumpanjament relatat mal-ispettaklu li tradizzjonalment isir waqt il-ħruġ tal-istatwa titulari tal-qaddis patrun tal-Birgu.
“Dan ifisser li mal-isplużjoni li seħħet, sfortunatament spiċċajna mingħajr il-kaxxa tal-ħruġ,” qalet l-għaqda. Malli saru jafu bl-inċident, il-membri tal-għaqda bdew kuntatti ma’ pirotekniċi oħra biex jesploraw il-possibbiltà li jissostitwixxu dak li ntilef. Madankollu, huma rrimarkaw li diversi festi oħra wkoll ġew affettwati mill-istess inċident, fatt li naqqas b’mod sinifikanti l-għażliet disponibbli.
Skont l-għaqda, il-ħtieġa li jinħoloq mill-ġdid ix-xogħol mitluf wasslet għal żieda sostanzjali fl-ispejjeż. Minkejja dan, huma wegħdu li se jkomplu jaħdmu sabiex fi żmien xahrejn, meta tiġi ċċelebrata l-festa titulari, ikunu jistgħu jagħtu ġieħ xieraq lil San Lawrenz.
Fl-istess stqarrija, l-Għaqda Piroteknika 10 t’Awwissu appellat lill-partitarji Palmizi u lill-pubbliku sabiex joffru l-appoġġ tagħhom matul il-ġimgħat li ġejjin, kemm permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji kif ukoll billi jattendu l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li se jiġu organizzati.
Il-Festa ta’ San Lawrenz, waħda mill-aktar ċelebrazzjonijiet importanti fil-Belt Rebbieħa, se tkun iċċelebrata fl-10 ta’ Awwissu li ġej.
Facebook / L-Għaqda Piroteknika 10 t’Awwissu