Illum tiċċelebra għeluq sninha, l-attriċi u kantanta żagħżugħa Martina Galea Loffreda, Ommha Antonella f’dan il-jum għażiż tikteb, “L-imħabba ta’ ħajjitna llum tagħlaq 20 sena. Daqshekk ilna li dħalna fiż-żarbun ta’ ġenituri. Żarbun kbir immens illi ħadna fi mkejjen sbieħ wisq. Ma nistax ngħid li ma kienx hemm mumenti li fihom konna se nitgerbu f’saqajna stess.”
Hi tispjega, “L-ebda kors jew manwal ma ppreparana biex inkunu ġenituri perfetti, u konvinta li ser ikun hemm iktar mumenti bħal dawn iżda l-importanti li nibqgħu nterrqu dan il-vjaġġ flimkien b’ħafna mħabba.”
Antonella b’sinċerità żżid, “Martina għadek lanqas taf kemm aħna kburin bix-xebba li sirt illum. Għadek lanqas taf kemm, minkejja li kienet iebsa narawk tħalli d-dar qabel ma konna ħsibna, kemm aħna kuntenti narawk tfendi għal rasek f’pajjiż imbiegħed int u tistinka biex twettaq il-ħolma tiegħek.”
Hi tkompli, “Grazzi talli 20 sena ilu irregalajtilna l-isbaħ mument f’ħajjitna. Grazzi talli ttrasformajtna f’dak li aħna llum. Grazzi talli mlejtilna ħajjitna b’tant sabiħ. Inti kont, għadek u tibqa’ l-isbaħ rigal li rċivejna f’ħajjitna u ta’ dan nirringrazzjaw lil Alla kull ħin u kull mument.”
Antonella ttemm, “Għandek sena importanti ħafna quddiemek. Nittama li nkunu ta’ spalla soda biżżejjed għalik kif konna fl-20 sena li għaddew. Jalla l-ħolm tiegħek, jekk hu l-aħjar għalik, isir realtà. Tgħanniqa kbira għażiża tagħna. Jien u l-papà inħobbuk wisq.”
Facebook / Antonella Galea Loffreda