L-Istorja Wara L-Blogg Bl-Isem Jiena Diego

Sefora Tabone hija omm ta’ tifel ta’ 4 snin li għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu. L-omm qalet lil Gwida.mt li minn dakinhar li saret taf li binha għandu din il-kundizzjoni, ħalfet li kienet ser tagħmel minn kollox biex toħloq dinja aħjar għalih.

Maż-żmien bdiet taċċetta l-fatt li binha Diego għandu diżabilità invisibbli u filwaqt li l-affarijiet bdew jiċċaraw, irrealizzat li għad hemm ħafna xi jsir biex is-soċjetà taċċetta lilu u oħrajn bl-istess kundizzjoni. Dan għall-fatt li s-soċjetà Maltija għad mhix konxja biżżejjed li persuna b’diżabilità mhux neċessarjament għandu jkollha siġġu tar-roti.

Omm Diego qalet lil Gwida.mt li f’Novembru tas-sena 2018 bdiet blogg bl-isem I am Diego, fejn qed taqsam ma’ ħaddieħor il-vjaġġ u l-progress ta’ binha, id-diffikultajiet bħala familja, il-ħsibijiet tagħha bħala omm, u l-isfidi li żewġha u hi jħabbtu wiċċhom magħhom huma u jrabbu lil Diego.

Permezz ta’ dan il-blog, is-soċjetà Maltija qegħda dejjem titgħallem aktar dwar il-kundizzjoni tal-awtiżmu u b’hekk tifhem aħjar l-imġieba varja ta’ dawn it-tfal u l-weġgħat tal-ġenituri tagħhom. Ġenituri oħra għaddejjin minn sitwazzjonijiet simili qed isibu faraġ u konsolazzjoni f’dan il-blog.

Sefora tħossha mweġġgħa ħafna meta xi nies jaqbdu u jiġġudikawhom għaliex jaħsbu lil binhom huma bla dixxipplina. Iżda meta tħares lejn Diego u tarah jitbissem dik it-tbissima li tisraq il-qlub, tinsa kollox u jiġuha l-enerġija u l-kuraġġ li tkompli tiġġieled biex binha u tfal oħra bħalu jkomplu jikbru f’dinja aħjar fejn ikunu aktar aċċettati fis-soċjetà li jgħixu fiha.

Gwida.mt tawgura lil din l-omm u ġenituri oħrajn biex ma jaqtgħux qalbhom għaliex ix-xogħol li qed jagħmlu ma’ dawn l-anġli huwa imprezzabbli.

Facebook / I am Diego

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI