L-Ittestjar Tal-HIV, Sifilide, Epatite B U Epatite Ċ Offrut B’Xejn Mill-Komunità Fil-Belt Valletta, Paola U Għawdex Fl-2025

Checkpoint Malta, flimkien mar-Reach Out Project, se jorganizzaw sessjonijiet ta’ ttestjar għall-HIV, sifilide, Epatite B u Epatite Ċ f’Malta u f’Għawdex fuq bażi ta’ kull xahar, kif ukoll f’Raħal Ġdid tul is-sena 2025.

L-ittestjar f’Malta jibda nhar il-Ħamis, 13 ta’ Marzu, fl-LGBTIQ+ Hub f’Paola bejn is–17:00 u t-20:00 ta’ filgħaxija. Aktar sessjonijiet se jsiru fiċ-Ċentru tal-Voluntiera fil-Belt Valletta mit-Tlieta, 18 ta’ Marzu (17:00-20:00), u fiċ-Ċentru tal-Voluntiera fix-Xewkija, Għawdex, mit-27 ta’ Marzu (17:00-19:00). L-ittestjar se jkompli matul is-sena 2025, u l-iskeda dettaljata tinsab fuq il-paġni ta’ Checkpoint Malta fuq Facebook u Instagram.





Is-sessjonijiet huma mingħajr ħlas, sigrieti, u jsiru minn voluntiera mħarrġa u mhux diskriminatorji fi spazji siguri fil-komunità. Ir-riżultati jingħataw fi 20 minuta, u fejn meħtieġ, jiġu offruti referenzi fast-track għall-klinika GU u servizzi ta’ counselling.

Huwa rrakkomandat li kull min huwa sesswalment attiv jagħmel it-test regolarment. It-testijiet bikrin jgħinu biex persuni li jkunu f’stadju inizjali ta’ infezzjoni jibdew trattament fil-pront, u b’hekk jipproteġu s-sistema immunitarja tagħhom. Meta persuna f’trattament tnaqqas il-livell ta’ HIV fil-ġisem għal-livell “undetectable”, ma tkunx tista’ tittrasmetti l-virus lill-partners sesswali tagħha (U=U – Undetectable = Untransmittable). L-ittestjar regolari jgħin fit-tnaqqis tal-istigma u tal-imxija tal-infezzjonijiet.

Minħabba li l-postijiet huma limitati, dawk interessati huma mitluba jibagħtu email fuq testing@checkpoint.mt qabel is-sessjoni. Dan il-proġett qed jitwettaq bi sħubija mar-Reach Out Project u b’kollaborazzjoni ma’ HIV Malta, LGBTI+ Gozo, id-Direttorat tad-Drittijiet Umani, Sexual Health Malta, u l-GU Clinic. Il-proġett hu appoġġat minn Aġenzija Żgħażagħ taħt l-iskema BOOST.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI