Il-produttur, preżentatur u attur Malti Brandon Terribile qasam messaġġ qawwi fuq il-midja soċjali fejn wera solidarjetà mal-kantanta Miriana Conte u kkundanna l-kummenti li saru fil-konfront tagħha.
Brandon stqarr li l-kumment li sar minn Adam Sulli kien ta’ trigger għalih ukoll u sostna li wasal iż-żmien li tieqaf il-mistħija, il-ħtija u l-ġudizzju dwar il-ġisem tan-nies.
Huwa spjega kif l-obeżità mhix kwistjoni sempliċi ta’ rieda, iżda hija influwenzata minn fatturi bħall-bijoloġija, l-ormoni, il-ġenetika, it-trawmi, is-saħħa mentali u disturbi fl-ikel. Żvela li hu stess ilu jissielet mal-piż tul ħajtu kollha, minkejja li tħarreġ, kiel b’mod san u evita junk food u zokkor.
Bejn l-2012 u l-2013 qal li tilef aktar minn 40 kilo, iżda anke meta kien jilbes daqs żgħir xorta kien iħares lejn il-mera u jara lilu nnifsu ikbar, frott is-soċjetà li tippromovi ideali ta’ persuni rqaq. Spjega wkoll li l-ġisem ta’ wħud jidħol f’dak li l-professjonisti jsejħulu “survival mode”, fejn iżomm il-piż u jaħżen ix-xaħam minkejja stil ta’ ħajja san.
Brandon temm jappella biex in-nies iħallu lil xulxin iħossuhom komdi f’ġisimhom mingħajr ġudizzju, u fakkar li ħadd ma jaf minn xiex ikun għaddej ħaddieħor.
Facebook / Brandon Terribile