Fi stqarrija mibgħuta lill-midja, l-organizzazzjonijiet tal-istudenti jappellaw kontra n-nuqqas ta’ rispett kontinwu lejn l-Arti u l-Istudji Umanistiċi fir-rigward tal-kwalifikazzjonijiet għal korsijiet li jgawdu minn stipendji ogħla, kif ukoll kontra l-approċċ bla ħsieb biex jissolva n-nuqqas ta’ għalliema.
Huma jitkbu, “Fit-30 ta’ Settembru, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar li se jiġu miżjuda 36 kors li jikkwalifikaw għal stipendji ogħla. L-għażla ta’ liema korsijiet jikkwalifikaw għal din iż-żieda fl-istipendji turi li l-Ministeru huwa konvint li l-għanijiet ewlenin tal-istituzzjoni edukattiva tagħna huwa li tipproduċi ħaddiema li jservu u jaqdu l-interessi kummerċjali, aktar milli tippromwovi l-iżvilupp intellettwali.”
Ikomplu, “Aħna nemmnu li din l-inizjattiva ma tibbenefikax lill-istudenti bil-mod mistenni, u tkompli tipperpetwa l-idea li l-għan primarju tal-edukazzjoni huwa sempliċiment li sservi biex twassal lill-istudenti għad-dinja tax-xogħol. Barra minn hekk, aħna ma naqblux kompletament mal-istqarrija tal-Ministeru li s-somma miżera ta’ 80 ewro addizzjonali fix-xahar se sservi bħala xi inċentiv sinifikanti li jwassal lill-istudenti jagħżlu liema kors iridu jistudjaw. Minflok, dawn it-80 ewro se jkunu qegħdin biss joħolqu ġerarkija bejn korsijiet li skont uħud għandhom benefiċċju pożittiv għas-soċjetà, u oħrajn li apparentament m’għandhomx.”
L-istqarrija żżid, “L-għażla tal-Ministeru li jallinja ruħu mal-interessi kummerċjali toħroġ b’mod evidenti f’ħamsa mis-sitt għanijiet li din iż-żieda fl-istipendji kienet ibbażata fuqhom, jiġifieri “l-assigurazzjoni ta’ tkabbir ekonomiku fis-setturi tal-manifattura avvanzata u ekonomija ġdida, l-infrastruttura ta’ kwalità għolja u l-ambjent”, “it-tħejjija għall-impjiegi tal-futur”, “iż-żieda fil-kapital uman fi STEM”, u “li nipprovdu kapital uman lill-industrija li jkollu ħiliet tekniċi għoljin”. Toħroġ ukoll b’mod ċar mill-fatt li l-Bord għall-Għotjiet ta’ Manteniment li għadu kemm ġie mwaqqaf se jkun jinkludi mexxejja mill-qasam tal-intrapriżi u l-industrija.”
“Aħna nopponu l-idea li s-soċjetà tibbenefika biss meta jkun hemm tkabbir fil-GDP nazzjonali. Din l-idea mhijiex sostenibbli, tixhed nuqqas qawwi ta’ għarfien, u mhijiex ibbażata fuq il-verità. Fis-soċjetà tagħna, li hija mifnija bi stejjer ta’ korruzzjoni, nuqqas ta’ prinċipji demokratiċi u inugwaljanza, l-Arti u l-Istudji Umanistiċi huma essenzjali għat-tijib tas-soċjetà.”
“Filwaqt li huwa minnu li s-soċjetà tibbenifika meta jkollha ħaddiema b’ħiliet għoljin, soċjetà li tiffunzjona tajjeb jeħtieġ li jkollha persuni b’ħiliet ta’ kritika, li jkunu kapaċi jevalwaw l-integrità tad-deċiżjonijiet politiċi, li jirsistu għall-ġid kollettiv, u meta jkun hemm bżonn, jiġbdu l-attenzjoni lill-gvern u l-awtoritajiet meta dawn jittradixxu lill-poplu li jirrappreżentaw.”
“L-apprezzament u r-rispett lejn l-Arti u l-Istudji Umanistiċi jwasslu wkoll għal kultura ta’ ħsieb kritiku qalb is-soċjetà, għall-promozzjoni ta’ espressjoni kreattiva, għall-fehim ta’ perspettivi differenti, u għaċ-ċelebrazzjoni tal-estetika, l-istorja u l-kultura. Dawn il-merti huma imprezzabbli għas-soċjetà, u jistħoqqilhom jiġu allokati r-riżorsi x-xierqa.”
L-istqarrija tkompli, “Il-ħolqien tal-kategorija ta’ ‘prijorità għolja’ mill-Ministeru joffri lill-istudenti rreġistrati f’korsijiet speċifiċi ta’ STEM €375 fix-xahar biex jistudjaw bħala mod kif jiġi indirizzat n-nuqqas attwali ta’ għalliema. Dan l-approċċ jixhed biss in-nuqqas ta’ ħsieb u ta’ ppjanar fit-tul u n-nuqqas ta’ vijabilità tal-istrateġija tagħhom.”
Huma jżidu ma’ dan, “Filwaqt li aħna favur li jkun hemm żieda fl-istipendji, din mhijiex soluzzjoni adegwata biex insolvu l-kriżi fl-edukazzjoni u n-nuqqas ta’ għalliema f’pajjiżna. L-inizjattiva tonqos milli tindirizza l-problemi li qed iwasslu biex l-istudenti ma jagħżlux il-professjoni tat-tagħlim, u lil numru kbir ta’ għalliema biex jabbundunaw il-professjoni tagħom, bħal pereżempju ammont esaġerat ta’ xogħol, u appoġġ fqir għas-saħħa mentali.”
Huma jtemmu bil-kliem, “Huwa wkoll ta’ offiża għall-istudenti li l-Ministeru bħal donnu jaħseb li somma ta’ flus fix-xahar, li lanqas tammonta għal terz tal-ammont li persuna waħedha teħtieġ biex tgħix ħajja diċenti, se twassal lill-istudenti biex ibiddlu r-rotta tagħhom u jagħżlu kors differenti. Aħna nitolbu lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex ma jkomplix jagħti bis-sieq lill-Arti u l-Istudji Umanistiċi, u biex serjament jerġa’ jikkunsidra l-metodi meħtieġa biex jiġu indirizzati l-problemi li għandna fis-soċjetà tagħna.”
L-għaqdiet huma kollha mniżżla hawn isfel:
- Movement Graffitti
- HoASA – The History of Art and Fine Arts Student Association
- Betapsi
- SPS – Students’ Philosophical Society
- JEF Malta
- MotivArti
- IASTE Malta – International Association for the exchange of Students for Technical Experience
- University of Malta Rowing Club
- ALLT – Association of Linguistics and Language Technology
- CSA – Criminology Students Association
- SACES – Society of Architecture and Civil Engineering Students
- USPA – University Students of Performing Arts
- MUHS – Malta University Historical Society
- GħMU – Għaqda tal-Malti Università
- ESO – European Studies Organisation
- The Third Eye
- MIRSA- Malta International Relations Students Association
- KŻE – Kolletiv Żgħażagħ EkoXellugin