L-uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili Mark Zammit spjega li wara l-operazzjoni delikata li seħħet matul dawn l-aħħar jiem fiċ-Ċirkewwa u li wasslet sabiex tinstab bla ħajja tifla Pollakka ta’ 13-il sena, l-uffiċjali kollha li kienu parteċipi f’din l-operazzjoni qed jiġu offruti l-għajnuna psikoloġika.
Mark, li kien wieħed minn dawk li kellhom f’idejhom it-tmun ta’ din l-operazzjoni, sostna li għal uħud li forsi huma iżjed sensittivi minn oħrajn u li forsi m’għandhomx daqstant esperjenza, dan l-episodju jista’ jkun wieħed trawmatiku u tenna li kien proprju għalhekk li l-uffiċjali kollha ngħataw l-għażla li jirċievu din ix-xorta ta’ għajnuna.
Intervistat mill-programm Bil-Fatti li jixxandar fuq ONE, Mark iddeskriva bħala “qalbiena” l-għadd kbir ta’ uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili li taw sehemom f’din l-operazzjoni u faħħar il-ħidma tagħhom li twettqet b’mod konġunt ma’ diversi entitajiet oħrajn fosthom il-Pulizija ta’ Malta kif ukoll il-Forzi Armati ta’ Malta.
It-tfittxija għat-tifla Pollakka ta’ 13-il sena skjattat it-Tnejn li għadda fis-sigħat ta’ filgħaxija wara li t-tifla, li kienet flimkien ma’ missierha u ħuha fi btala f’pajjiżna, sfat vittma tal-mewġ qalil li kien qed joqlot lil pajjiżna. Sfortunatament, ilbieraħ ħarġet l-aħbar li t-tifla nstabet bla ħajja.
Tistrieħ fis-sliem!
Facebok / Civil Protection Malta u ONE TV / Bil-Fatti